Baqa’ jinżamm arrestat ir-raġel ta’ 28 sena mill-Kosta tal-Avorju li jinsab mixli li fega lis-sieħba tiegħu Maria Lourdes Agius f’Settembru li għadda f’Raħal Ġdid.
Waqt li kompliet tinstema l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Michael Emmanuel, il-Psikjatra Joe Cassar xehed li l-akkużat ibati minn psikożi, kundizzjoni li ma tħallihx jgħix ir-realtà.
Qal li l-akkużat għamel minn kollox biex ineħħi s-saħta minn fuq Agius, li skontu kienet qed tikontrolla s-sitwazzjoni familjari.
Quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, is-Surġent Conrad Ellul, li kien stazzjonat fl-Għassa ta’ Raħal Ġdid, xehed li dakinhar tad-delitt l-akkużat mar l-għassa u irrapporta li vittma mhix tqum mis-sodda.
Huwa xehed li Mary Agius, omm il-vittma daħlet lill-akkużat id-dar wara li beda jħabbtilhom mal-bieb biex jagħtuh lit-tarbija. Dan minkejja li jumejn qabel il-każ, il-pulizija ordnatilhom biex jirrapportawh l-għassa minħabba li aggredihom.
Is-Surġent Christoper Ellul xehed li wara l-argument, il-Pulizija xtraw xi affarijiet tal-ikel għat-tfal u pruvaw isibu dar għat-tfal u għalih.
Huwa nnotifika lill-Victim Support Unit fi ħdan il-korp tal-Pulizija sabiex jagħtu l-għajnuna meħtieġa lill-vittma. Madankollu qal li l-vittma ma weġbitx għas-sejħa.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispettur James Grech mill-Iskwadra tal-Omiċidji u mill-Ispettur Sarah Zerafa mid-Distrett.
Għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Michael u Lucio Scriha.