Li llum tilbes kalzetta waħda kulur, u kalzetta kulur ieħor huwa aċċettabbli u ħadd m’għandu jgħidlek xejn. Dan hekk kif illum hija propju World Syndrome Day.
Filfatt, il-kantanta Ira Losco poġġiet ritratt maċ-ċkejken tagħha b’kalzetti differenti bl-għan li ukoll tqajjem aktar kuxjenza.
L-għan ta’ din il-ġurnata huwa li jiżdied aktar għarfien dwar l-importanza tal-inklussività. Filfatt, numru kbir ta’ skejjel f’pajjiżna llum qalu lill-istudenti li għal lum biss jistgħu jilbsu kalzetti kuluriti biex dan il-messaġġ jifmuh anke t-tfal.
Huwa propju għalhekk li qed issir il-kampanja #lotsofsocks, bl-għan li l-kuluri differenti jirrappreżentaw id-diversità. Nistgħu ngħidu li fuq il-midja soċjali, dalgħodu spikkaw ir-ritratti ta’ trabi, tfal sejrin l-iskola u ta’ adulti li llum ma libsux kif jilbsu s-soltu u libsu kalzetti kkuluriti u ma jaqblux; ġest żgħir iżda mill-isbaħ.
Iżda spikka ukoll dan il-filmat. Filmat li juri r-relazzjoni ta’ bejn ġuvni u t-tfajla li għandhom diżabilità. Jispikkaw il-kliem li jgħid il-ġuvni fil-bidu: “Does this look weird to you? For me it doesn’t.” Kliem b’saħħtu li jwassal messaġġ importanti.
Illum niftakru ukoll f’dawk il-ġenituri, qraba u ħbieb li ta’ kuljum jaħdmu biex joffru ħajja ta’ kwalità tajba lil dawn il-persuni. Persuni bħalna li għandhom bżonnijiet speċjali u li għalihom qed issir ħidma kontinwa biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja aktar indipendenti.
F’din il-ġurnata għandna niftakru dwar l-abiltajiet li għandhom dawn il-persuni u kif aħna nistgħu nassiguraw li fuq il-post tax-xogħol u fil-ħajja ta’ kuljum nagħtuhom l-ispazju u l-kuraġġ biex jizvilluppaw u jagħtu l-kontribut tagħhom fis-soċjetà.