Il-marka l-blu li tagħmlek ‘ivverifikat’ fuq Twitter tirritorna illum, wara sospensjoni qasira x-xahar li għadda, minħabba ammont kbir ta’ nies li kienu qed jabbużaw minnha.
Din il-marka l-blu xorta trid tħallas $8 fix-xahar għaliha, imma issa hemm ħlas miżjud ta’ $11 għal dawk li jużaw Twitter fuq apparat Apple. Is-sid ta’ Twitter, Elon Musk, kien qal li se jirrinunzja l-miżata tal-kummissjoni li titlob Apple fuq xiri fl-app.
L-abbonati bil-marka blu se jaraw inqas reklami, ikollhom it-tweets tagħhom jidhru aktar minn tal-oħrajn, u jkunu jistgħu jippubblikaw u jaraw vidjows itwal u ta’ kwalità aħjar.
Intant, il-verżjoni ġdida ta’ Twitter, li qed tinħema kemm ilu li xtara l-kumpanija Musk, tinkludi l-possibilità li tbiddel dak li tkun ktibt. Sa issa, ma kienx hemm il-possibilità li tagħmel ‘edit’ ta’ xi ħaġa li tkun ktibt fuq Twitter. Filwaqt li ħafna argumentaw dwar il-bżonn ta’ din il-karatteristika, oħrajn inkwetati dwar il-possiblità ta’ tixrid ta’ informazzjoni ħażina, għaliex tweet jista’ jinbidel wara li jkun laħaq inxtered ma’ kullimkien.