Illum se tkun qed toħroġ sejħa għall-offerti ta’ fażi importanti tal-proġett tal-‘Marsa Junction’. Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg permezz ta’ post fuq il-midja soċjali Facebook.
Hu spjega kif permezz ta’ dan il-proġett se tkun qed tkompli tittaffa ftit mid-diffikultà tat-traffiku fiż-żona filwaqt li b’hekk ikomplu jiġu implimentati sistemi ta’ trasport aħjar u li jixirqu lil Malta tagħna.
Borg kiteb kif “qed nadottaw sistemi trasparenti u ġusti, iżda effiċjenti u mingħajr telf ta’ żmien. Nirringrazzja lill-awtoritajiet ikkonċernati, u lill-kuntratturi li ser joffru s-servizzi tagħhom għal dan ix-xogħol importanti. “
Hu temm billi qal li jinsab ċert li lkoll ser inqumu għall-okkażjoni u niġbdu ħabel wieħed sabiex dan il-proġett jitwettaq kif mixtieq, fil-ħin u skont il-baġit.
Intant f’kumment li ta lil ONE News, Ian Borg sostna li qed isegwi x-xogħlijiet li bħalissa qed isiru fil-Kappara flimkien ma’ Transport. Dan biex jara li dawn ix-xogħlijiet jitlestew qabel fejn filwaqt li naħa minnhom tal-flyover infetħet fil-jiem li għaddew, issa mistenni li fil-ġimgħat li ġejjin tinfetaħ in-naħa l-oħra.
Borg qal li sa issa kien hemm maħruġa sejħa għall-offerta għall-iskavar, u illum ħarġet is-sejħa biex isir l-asfaltar tat-toroq li jinsabu fuq il-livell t’isfel u tat-toroq alternattivi. Eventwalment il-fażi li jmiss se tkun is-sejħa tal-flyovers. Segwi l-kumment kollu hawn isfel: