Il-Ħamis ħamsa ta’ Jannar.
Il-Knisja Kattolika sellmet għall-aħħar darba lill-Papa Emeritus Benedittu XVI, li kien il-Kap tal-Knisja Kattolika bejn l-2005 u l-2013. Huwa miet is-Sibt li għadda, l-aħħar jum tas-sena, fl-età ta’ 95 sena.
Il-funeral sar fil-Pjazza ta’ quddiem il-Bażilika ta’ San Pietru u huwa stmat li preżenti għalih kien hemm madwar 50,000 persuna. Il-funeral beda għall-ħabta tad-disgħa u nofs ta’ filgħodu – bil-Papa Franġisku, is-suċċessur ta’ Papa Benedittu jikkonċelebra din l-aħħar tislima.
Preżenti kien hemm diversi dinjitari. F’isem pajjiżna kien hemm l-Arċisqof ta’ Malta, il-Monsinjur Charles Scicluna, u anki l-Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede, Frank Zammit, kif ukoll il-Maġistrat Joe Mifsud. Preżenti wkoll kien hemm diversi qassisin u sorijiet minn kull rokna tad-dinja u anki diversi Kardinali, fosthom il-Kardinal Malti, Mario Grech.
Għal dan il-funeral, li ġiet animata mill-kor tal-Kappella Sistina, kien hemm mistednin uffiċjalment biss delegazzjonijiet mill-Italja u mill-Ġermanja. Il-Papa Franġisku ddaħħal għal din l-aħħar tislima lill-predeċessur tiegħu f’siġġu tar-roti.
Fl-omelija, huwa sellem il-memorja ta’ Benedittu XVI u semma d-dedikazzjoni li kellu l-Papa Emeritu. Il-Papa Franġisku għalaq l-omelija tiegħu b’dan il-kliem: “Benedittu, ħabib fidil tal-Għarus Divin, jalla l-ferħ tiegħek ikun sħiħ hekk kif tisma’ leħnu, issa u għal dejjem!”
Waqt din l-aħħar tislima sar qari b’diversi lingwi: il-Ġermaniż, l-Għarbi, il-Portuġiż, u anki Franċiż. Bejn il-jiem tat-Tnejn u l-Erbgħa, il-Papa Emeritu kien espost għall-qima ta’ eluf ta’ nies li marru jagħtuh l-aħħar tislima tagħhom fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan.
It-tebut tal-Papa Benedittu XVI kien magħmul miċ-ċipress.
Mument emozzjonali kien fl-aħħar tal-funeral, meta l-korteo bit-tebut tal-Papa Emeritu ttieħed fin-naħa tax-xellug tal-artal, fejn kien hemm il-Papa Franġisku bilwieqfa jserraħ fuq bastun isegwi. Hemmhekk, il-korteo waqaf u l-Papa tah l-aħħar barka tiegħu.
L-aħħar darba li Papa qaddes il-funeral tal-predeċessur tiegħu kien fl-1802. Dakinhar kien il-Papa Piju VII li kkonċelebra l-funeral tal-Papa Piju VI, il-predeċessur tiegħu. Il-Papa Piju VI kien miet fl-eżilju, fejn kien ittieħed mill-Ġeneral Franċiż, Napuljun Bonaparte, fl-1799.
Il-Papa Benedittu XVI indifen fil-Kripta tal-Papiet taħt il-Bażilka ta’ San Pietru, viċin fejn hemm midfun San Pietru – l-ewwel Kap tal-Knisja Kattolika. Il-Papa Emeritu ndifen fl-istess post fejn kien midfun il-Papa Ġwanni Pawlu II sal-2011. Il-qabar huwa mħaffer fl-art u ssiġillat b’lapida.
F’nofsinhar, il-qniepen tal-knejjes madwar Malta u Għawdex daqqew mota ta’ dieqa. Intant, il-bieraħ filgħaxija, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof Charles Scicluna ċċelebra quddiesa De Requiem għall-Papa Emeritu Benedittu XVI fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.