Illum waqt il-programm Pjazza se tibda kampanja ġdida bl-isem ta’ ‘Sfida 30’.
Il-mira ta’ din l-isfida hija li tinġabar is-somma ta’ €30,000 bejn illum u nhar il-Ġimgħa, b’risq il-ħidma tal-Partit Laburista.
Din l-isfida se tkun qed issir fuq il-programm televiż Pjazza u wara l-programm din l-isfida se tkompli fiċ-Ċentri Laburisti – illum fiċ-Ċentru Laburista ta’ Raħal il-Ġdid, it-Tlieta fiċ-Ċentru Laburista taż-Żejtun, l-Erbgħa fiċ-Ċentru Laburista ta’ Marsaxlokk, il-Ħamis fiċ-Ċentru Laburista tan-Naxxar u l-Ġimgħa fiċ-Ċentru Laburista tar-Rabat (Malta). Filwaqt, li s-Sibt filgħodu din l-isfida se tkun qed tkompli ġewwa ċ-Ċentru Laburista tar-Rabat Għawdex.
Din l-isfida ssegwi dik li saret madwar sentejn ilu, meta fil-programm Pjazza nġabret is-somma ta’ €35,000 f’temp ta’ ġimgħa waqt kampanja mlaqqma ‘Sfida 10’. Din l-isfida kienet saret fil-ġimgħa meta l-eks Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat għalaq għaxar snin fit-tmexxija tal-Partit.