Illejla l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jibda l-proċess ta’ votazzjoni għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Elezzjoni li għaliha hemm eliġibbli 21,499 tesserat tal-Partit.
Il-votazzjoni tiskatta llejla u tkompli matul il-jiem li ġejjin hekk kif aktar ma joqrob id-data tat-3 t’Ottubru aktar mistennija tisħon il-qiegħa bejn iż-żewġ kandidati tal-fazzjonijiet differenti fil-Partit Nazzjonalista.
Jekk xejn, fl-isfond ta’ botti mill-aktar diretti bejn iż-żewġ kandidati, iż-żewġ kampanji differenti qed jagħmlu minn kollox sabiex jimbuttaw liż-żwiemel tagħhom ‘il quddiem f’dawn il-jiem kruċjali f’din il-kampanja mimlija gambetti.
Notevoli mill-kampanja tal-Kap Adrian Delia kienu r-reklami tal-Kap li ddominaw ħafna mill-gazzetti fl-aħħar jiem.
Reklami li juru kif fost oħrajn, skont hu reġà ġab il-finanzi tal-Partit fis-sod wara li dawk ta’ qablu rabtu mażra ta’ djun kbar ma’ saqajn il-Partit.
Dan mhux kollox.
Fuq il-midja soċjali tiegħu, il-kampanja ta’ Adrian Delia xerdet bi prominenza ukoll ritratti tal-Kap jiġi intervistat mill-ġurnalisti.
Botta ċara lejn il-kandidat tal-establishment tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, li huwa ma jaħrabx mill-ġurnalisti.
Dan għall-kuntrarju ta’ Bernard Grech li meta kien affaċċjat b’mistoqsijiet mill-aktar diretti minn ONE News, huwa għażel li jaħrab u jistaħba wara għadd ta’ bodyguards li kienu miegħu.
Intant minkejja l-mistoqsijiet kbar fuq il-passat tiegħu, il-kampanja ta’ Bernard Grech wkoll qed timbuttah ‘il quddiem akkost ta’ kollox.
Fil-fatt, ilbieraħ One News irrapporta kumment tal-kummentatur politiku Simon Mercieca wara li rċieva lment minn Nazzjonalist iddispjċut.
Ilment li jgħid li kanvassers ta’ Bernard Grech qalu lil xi tesserati Nazzjonalisti anzjani li huma mhux eliġibbli biex jivvutaw anki jekk mhux minnu.
Il-messaġġ wera l-għadab u l-uġigħ għas-sitwazzjoni fejn intqal kif dawk li qed jaħdmu fil-kampanja ta’ Grech qed jagħmlu hekk bl-aktar mod malinn, qarrieqi u giddieb ma’ membri anzjani tal-Partit Nazzjonalista.
Ġie allegat li nies mill-uffiċċju tal-kampanja ta’ Bernard Grech qalu lil dawn l-anzjani li ma jistgħux jivvutaw fl-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista u wara ndaġni li saret jirriżulta li dawn l-anzjani huma eliġibbli li jivvutaw fl-istess elezzjoni.