Illum l-ewwel jum ta’ Diċembru bdiet uffiċjalment il-leġiżlatura l-ġdida ta’ ħames snin tal-Kummissjoni Ewropea, taħt it-tmexxija mill-ġdid ta’ Ursula von der Leyen.
Dan wara li ntemm b’suċċess il-proċess tal-“grilling” u nhar l-Erbgħa, il-Parlament Ewropew ivvota favur il-Kulleġġ tal-Kummissarji b’mod sħiħ.
Il-Ġermaniża, Von der Leyen se jkun it-tieni terminu konsekuttiv tagħha bħala President tal-Kummissjoni Ewropea. Hi l-ewwel mara li se sservi għat-tieni leġiżlatura konsekuttiva f’dan ir-rwol.
Fil-Kulleġġ tal-Kummissjoni l-ġdid hemm ukoll il-Malti, Glenn Micallef, li huwa l-Kummissarju Ewropew responsabbli miż-żgħażagħ, il-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet, l-isport u l-kultura.
Illum, jibda wkoll it-terminu ta’ Antonio Costa bħala President tal-Kunsill Ewropew. Huwa s-suċċessur ta’ Charles Michel, li serva f’dan ir-rwol f’dawn l-aħħar ħames snin.
Costa kien f’pajjiżna ftit tal-jiem ilu, meta kellu laqgħat mal-Prim Ministru Robert Abela.