Illum se tibda l-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, li fiha se jsiru l-elezzjonijiet għall-ħatriet fl-ogħla karigi tal-amministrazzjoni u l-eżekuttiv tal-Partit.
L-ewwel sessjoni tal-Konferenza Ġenerali se tibda għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija u wara tibda l-votazzjoni.
F’din il-votazzjoni, id-delegati se jkunu qegħdin jivvotaw lil:
- Ian Borg għall-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament;
- Alex Agius Saliba għall-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit;
- Norma Saliba jew Alex Sciberras għall-kariga ta’ President tal-Partit Laburista;
- Georvin Bugeja jew John Grech għall-kariga ta’ Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista; u
- għal 12-il membru tal-eżekuttiv minn 37 kandidat.
Il-votazzjoni llejla se ssir bejn it-tmienja u l-ħdax ta’ filgħaxija fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun u fiċ-Ċentru Laburista f’Tas-Sannat, Għawdex.
Imbagħad il-votazzjoni tkompli s-Sibt filgħodu bejn id-disgħa ta’ filgħodu u s-sagħtejn ta’ waranofsinhar fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun, u bejn id-disgħa ta’ filgħodu u s-siegħa ta’ waranofsinhar fiċ-Ċentru Laburista f’Ta’ Sannat.
Dan wara li s-Sibt li għadda saret ukoll votazzjoni bikrija, bis-sehem ta’ madwar 10% tad-delegati Laburisti.
L-istazzjonijiet ONE se jibqgħu jaġġornaw b’dak li se jiġri fil-Konferenza Ġenerali, kemm permezz ta’ programm speċjali ppreżentat minn Claudia Cuschieri u fuq is-sit one.com.mt.