Illum jingħata bidu għall-Ġimgħa Ewropea tal-Isport. Dan l-avveniment isir kull sena matul l-aħħar ġimgħa ta’ Settembru. Hhija inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea bil-għan li tippromwovi l-attività fiżika permezz tal-isport fl-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea. Filwaqt li tirrikonoxxi l-importanza tal-ġlieda kontra stili ta’ ħajja sedentarja, l-inizjattiva tenfasizza l-ħtieġa għal hajja attiva.
Il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport ta’ din is-sena tiffoka fuq diversi temi fosthom skejjel, postijiet tax-xogħol, ċentri tal-fitness, organizzazzjonijiet sportivi, u impenn komunitarju permezz ta’ gvernijiet lokali u attivitajiet fil-beraħ.
F’dan ir-rigward, SportMalta qed torganizza żewġ avvenimenti ewlenin: il-BeActive Night, li se ssir illejla fis-18:30 fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, se tenfasizza l-fitness bħala l-fokus primarju. L-avveniment se jibda b’mixja mill-Kalkara, segwita minn sfida ta’ fitness b’aktar minn 300 atleta reġistrat, sessjonijiet ta’ fitness għall-pubbliku, u tournament tal-waterpolo f’pixxina ta’ daqs Olimpiku. L-Avveniment Nazzjonali ewlieni, imfassal għall-Ħadd wara nofsinhar fil-Marsa Sports Grounds, se jittrasforma l-grounds f’villaġġ sportiv li fih aktar minn 20 dixxiplina sportiva differenti.
B’kollaborazzjoni ma’ SportMalta, diversi klabbs u organizzazzjonijiet sportivi qed jorganizzaw ukoll l-avvenimenti tagħhom stess, li jħeġġu aktar u aktar nies ikunu attivi permezz tal-isport.
Din is-sena, SportMalta qed tissieħeb ma’ diversi fitness centres, li jifthu il-bibien tagħhom għal sessjonijiet b’xejn nhar is-Sibt, 30 ta’ Settembru, bil-għan li tinkoraġġixxi l-eżerċizzju regolari.
Filwaqt li tirrikonoxxi li l-postijiet tax-xogħol, l-iskejjel, u d-djar saru postijiet fejn in-nies iqattgħu parti sinifikanti tal-ħin tagħhom, SportMalta qed taħtaf l-opportunità biex torganizza attivitajiet f’dawn l-ambjenti u tfassal ideat dwar kif l-individwi jistgħu jibqgħu attivi f’ambjenti bħal dawn. Għal dan il-għan, SportMalta qed tospita diversi attivitajiet fiżiċi ta’ team building fil-postijiet tax-xogħol u l- Il-Jum Nazzjonali tal-Isport ta’ SportMalta fit-13 ta’ Ottubru, fejn skejjel madwar in-nazzjon huma mistiedna jipparteċipaw.
Matul is-snin, SportMalta pproduċiet ukoll bosta video clips taħt l-inizjattiva BeActiveAtHome, li tilqa’ għal dawk li jippreferu jagħmlu eżerċizzju fil-kumdità ta’ djarhom.
Għal lista komprensiva tal-avvenimenti kollha li qed iseħħu matul il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport din is-sena, wiehed jista jżur il-websajt ta SportMalta fuq sportmalta.mt. Kulhadd huwa mistieden jingħaqad fi kwalunkwe minn dawn l-avvenimenti bħala opportunità biex tibda jew tespandi l-vjaġġ tal-attività fiżika tiegħek.
Is-Segretarju Permanenti għall-Edukazzjoni, is-Sur Matthew Vella, beda billi esprima l-gratitudni tiegħu lejn SportMalta għall-isforzi dedikati tagħhom fil-promozzjoni tal-isport u biex jassiguraw li aktar nies f’Malta jgħixu stili ta’ ħajja attivi u b’saħħithom. Saħaq li l-missjoni ta’ SportMalta li tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-isport u l-għajxien attiv għas-saħħa u l-benessri tal-komunità hija ta’ min ifaħħarha.
Is-Sur Vella saħaq li attività fiżika mhux bilfors tfisser li wieħed jidħol fi sport kompetittiv; jista’ jinvolvi wkoll il-parteċipazzjoni f’attivitajiet disponibbli fi ħdan il-komunitajiet lokali, kif eżempju tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport organizzata minn SportMalta.
Barra minn hekk, enfasizza l-isforzi kontinwi biex titħeġġeġ l-attività fiżika fost l-impjegati tas-settur pubbliku fil-Belt Valletta, bil-għan li jitrawmu livelli akbar ta’ attività u titjib fil-benessri.
Il-Ministru Onor Clifton Grima esprima l-apprezzament mill-qalb lill-impjegati kollha dedikati ta’ SportMalta għall-isforzi eżemplari tagħhom fil-promozzjoni tal-isport u l-attività fiżika.
Fi stqarrija riċenti, il-Ministru Grima enfasizza r-rwol kruċjali tal-eżerċizzju fiżiku fit-titjib tal-benessri kemm mentali kif ukoll fiżiku. Huwa enfasizza li l-involviment fi kwalunkwe forma ta’ attività fiżika jikkontribwixxi ħafna għaċ-ċarezza mentali u l-kundizzjoni fiżika.
Barra minn hekk, il-Ministru Grima enfasizza s-sinifikat tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, avveniment annwali li issa huwa mnizzel fuq il-kalendarju. SportMalta ilha taħdem bla heda biex twassal messaġġ qawwi u vitali dwar l-importanza tal-isport u l-għajxien attiv għas-saħħa u l-benessri tal-komunità.
Il-Ministru Grima temm billi afferma mill-ġdid il-gratitudni tiegħu lejn il-ħaddiema ta’ SportMalta, filwaqt li rrikonoxxa l-impenn bla waqfien tagħhom biex javvanzaw l-isport u l-attività fiżika madwar in-nazzjon.
Min-naħa tagħha Rose Marie Mercieca, Koordinatriċi tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport fi ħdan SportMalta, spjegat l-attivitajiet li se jkunu qed siiru b’rabta mal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport għal din is-sena.