Wara ċ-ċerimonja tal-ftuħ li saret ilbieraħ, beda l-vjaġġ ta’ Team Malta fil-Logħob prestiġjuż tal-FIA Motorsport f’Valencia. Nicky Gauci irċieva l-karozza li se jkun qed juża fil-Kompetizzjoni F4, u l-vettura ġiet preparata bir-reqqa kemm mekkanikament kif ukoll addatata bil-livery distintiv ta’ Malta biex tispikka fost il-kompetituri.
Bl-istess mod, is-sewwieqa tal-karting ingħataw karts u li kellhom jgħaddu mill-iskrutinju. L-iskrutinieri tal-FIA spezzjonaw ukoll bir-reqqa l-ilbiesi tat-tlielaq u l-aċċessorji tagħhom bħal żraben, ingwanti, u elmi biex jiżguraw li kollox ikun Omologat mill-FIA skont l-istandards tal-avveniment.
It-tim Malti tal-eSports għamel bidu promettenti għall-kompetizzjoni. It-tiġrijiet bdew. Dean Vella kiseb it-13-il post minn 30 kompetitur, filwaqt li Keith Camilleri bħalissa qed iżomm il-11-il post minn 53 kompetitur. Il-prestazzjoni tagħhom hija turija ċara tal-ħila u d-dedikazzjoni tagħhom.
B’ħarsa ‘l quddiem, Nicky Gauci u l-kompetituri tal-Karting illum il-Ġimgħa għandhom ġurnata eċċitanti ppjanata fejn se jibdew il-ġirjiet ta’ prattika għat-tlielaq tagħhom, u jippreparaw għall-isfidi li ġejjin.