Fil-jum li qed niċċelebraw il-mitt sena mit-twelid ta’ Dom Mintoff qed nagħtuh l-isbaħ rigal ta’ pajjiż bl-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropeja. Qal dan il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt li kien qed jindirizza l-attività mtellgħa mill-Partit Laburista fix-xatt ta’ Bormla, il-belt li minnha ħareġ Dom Mintoff.
Huwa qal li Partit Laburista li tiegħu Dom Mintoff kien l-akbar esponent għandu għan ewlieni wieħed li huwa x-xogħol li permezz tiegħu jingħata d-dinjità, biex dak li jkun ma jiddependix mill-karità u javvanza ’l quddiem flimkien mal-familja tiegħu.
Muscat qal li l-istorja tal-Perit Mintoff hija waħda ta’ suċċess hekk kif kien huwa li ħareġ lil dan il-pajjiż mill-faqar li minn pajjiż nistennew minn ħaddieħor sirna pajjiż li noħolqu x-xogħol u wasalna biex inkunu l-aqwa fl-Ewropa f’dak li hu xogħol.
Il-Prim Ministru qal li l-Perit Mintoff żgur ser jibqa’ msemmi għas-servizzi soċjali li kienu mmirratti biex jgħollu l’ fuq lil dak li jkun nieżel ’l isfel, fejn f’dawn l-aħħar tlett snin il-persuni li jiddipendu minn dawn is-servizzi naqsu wkoll.
Indirizza din l-attività d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Chris Cardona fejn iddeskriva lil Mintoff bħala bniedem ta’ kuraġġ u li ma kienx beżżiegħ. Huwa semma kif Dom Mintoff irnexxielu jibdel lill-pajjiżna minn bażi militari għall-ekonomija li għandna llum.