L-erbgħa u għoxrin ta’ Frar tal-2024 jimmarka sentejn mindu seħħet l-invażjoni Russa fl-Ukrajna.
Fil-fatt, dan it-tragward intlaħaq fi żmien xejn feliċi għall-Ukreni hekk kif għadha kif tilfet l-Belt ta’ Avdiivka wara xhur ta’ bumbardamenti u telf ta’ ħajjiet fuq iż-żewġ naħat.
F’dawn is-sentejn ċifri li joħorġu mill-Ġnus Maqgħuda juru li tilfu ħajjithom aktar minn 10,500 persuna ċivili bil-maġġoranza jkunu rġiel. Kważi 600 kienu tfal. In-numru ta’ persuni midruba tela’ għal kważi 20,000.
Mas-sitt miljun u nofs persuna mill-Ukrajna fittxew refuġju f’pajjiżi oħra madwar id-dinja b’madwar tliet miljun u seba’ mitt elf persuna jinsabu qed jgħixu f’pajjiż differenti.
Intant, il-Ġimgħa, il-President Amerikan Joe Biden ħabbar li l-Istati Uniti se tkun qed timplimenta sanzjonijiet ġodda li jolqtu mal-500 entità Russa. Dan mhux biss b’reazzjoni għall-gwerra fl-Ukrajna u l-invażjoni Russa, iżda b’reazzjoni għall-mewt tal-mexxej tal-Oppożizzjoni Russa Alexei Navalny.
B’reazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela fuq il-pjattaformi soċjali sostna li dawn is-sentejn ikomplu jfakkruna fuq il-brutalità tal-gwerra.
Fakkar ukoll kif pajjiżna qed jagħmel il-parti tiegħu sabiex jipprovdi għajnuna umanitarja filwaqt li se jkompli jippromwovi l-paċi u l-progress soċjali.