Illum se tingħata l-aħħar tislima lill-Papa Franġisku. Huwa ħalla din id-dinja nhar it-Tnejn li għadda, fl-għomor ta’ 88 sena.
Franġisku għamel 12-il sena bħala Kap tal-Knisja Kattolika. Deskritt minn bosta bħala ta’ qalb tajba u li ħenn għall-popli kollha. Il-Papa Franġisku jibqa’ f’qalb il-Maltin u l-Għawdxin wara ż-żjara Appostolika tiegħu f’April tal-2022.
Il-Papa Franġisku se jingħata l-aħħar tislima wara li fl-aħħar tlett ijiem, it-tebut tal-Papa Franġisku kien espost quddiem l-artar maġġuri tal-Bażilika ta’ San Pietru.
Eluf ta’ persuni, ta’ kull età u minn kull rokna tad-dinja, żaru l-Bażilika fil-Vatikan, biex taw l-aħħar tislima lill-Papa Franġisku.
Fil-Vatikan, id-delegazzjoni Maltija hija mmexxija mill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono. Flimkien magħha hemm żewġha Anthony Spiteri Debono, il-Prim Ministru Robert Abela, martu Lydia u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
Preżenti wkoll se jkun hemm l-Arċisqof ta’ Malta, il-Monsinjur Charles Scicluna, li se jieħu sehem fil-quddiesa tal-funeral.