Illum se tingħata l-aħħar tislima lil Christopher Paul Abela, iż-żagħżugħ li tilef ħajtu traġikament fit-8 ta’ Ġunju. Dan wara li kien involut f’ħabta bejn il-mutur li kien qed isuq u trakk fil-Bypass tal-Imrieħel.
Il-funeral ta’ dan iż-żagħżugħ tant maħbub se jsir fil-Knisja ta’ San Pawl ir-Rabat fit-15.30. Il-ħbieb u qraba ta’ Christopher kienu jafu kemm il-mutur kien għal qalbu u għalhekk se jkunu qed jagħmlu corteo bil-muturi tagħhom minn Mater Dei sal-Knisja, biex iselmu l-memorja ta’ Christopher.
Kienu l-mijiet li kitbu fuq il-profil ta’ Christopher, li sfortunatament ħajtu ntemmet ta’ età żgħira. Fost dawk li kitbu kien hemm oħtu, Angele Abela, li esprimiet l-emozzjoni tagħna mal-aħbar traġika li ħuha tilef ħajtu. “Dejjem se nibqgħu niftakruk u nimmisjawk.” Kitbet ukoll li ħuha kien l-aqwa wieħed li qatt setgħa jkollha u li kien raġel eżemplari.
Kitbet ukoll mart Christopher, Jessica Abela, li mnikkta bl-aħbar li l-maħbub tagħha tilef ħajtu traġikament stqarret li qed timmisjah. Għal Jessica, kienu bosta l-kummenti ta’ kuraġġ f’dan il-mument diffiċli.
Kienu ħafna ukoll il-kummenti li għamlu l-ħbieb ta’ Christopher fuq il-profil tiegħu ta’ facebook. Huwa kien ex-Pulizija u anke kollegi tiegħu stqarru li kienu maħsuda b’din l-aħbar kerha. Iżda dawn il-kummenti kollha, kellhom ħaġa waħda komuni, kliem sabiħ biex jiddeskrivu lil dan iż-żagħżugħ li ebda qraba u ħbieb m’hu se jkunu qed jinsew.