Illum huwa l-Ġimgħa 13 tax-xahar – jum ikkunsidrat sfortunat mis-superstizzjużi tal-punent.
Il-biża tal-numru 13 għandu isem xjentifiku: “triskaidekaphobia”; jew inkella, kelma aktar teknika, paraskevidekatriaphobia, mill-kliem Grieg Paraskevi (Παρασκευή, li tfisser “il-Ġimgħa”), u dekatreís (δεκατρείς, li tfisser “tlettax”).
Is-superstizzjoni madwar dan il-jum jista’ jkun li bdiet fil-Medjuevu, mir-rakkonti tal-aħħar ċena u l-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib. Kien hemm 13-il individwu preżenti fid-Ċenaklu fit-13 tax-xahar,vĦamis ix-Xirka, il-lejl ta’ qabel il-mewt ta’ Ġesu nhar il-Ġimgħa l-Kbira.
Filwaqt li hemm evidenza li kemm il-Ġimgħa kif ukoll n-numru 13 kienu jiġu kkunsidrati sfortunati, m’hemm l-ebda evidenza li dawn iż-żewġ avvenimenti flimkien kienu meqjusa speċjalment sfortunati.
Hemm, però, referenza għal dan il-jum bħala wieħed sfortunat fil-biografija ta’ Gioachino Rossini, miktuba minn Henry Sutherland Edwards fl-1869. L-awtur kiteb li miet nhar il-Ġimgħa, 13 tax-xahar, u li bħal ħafna Taljani, kien iqis dan bħala jum sfortunat.
Aktarx ukoll li l-pubblikazzjoni tan-novella Friday, the Thirteenth ta’ Thomas W. Lawson kompliet iżżid l-idea ta’ sfortuna.
Issib ukoll min jgħid li l-idea ta’ sfortuna bdiet għax kien nhar il-Ġimgħa, 13 ta’ Ottubru 1307, li Filippu IV ta’ Franza arresta mijiet ta’ Kavallieri. Dan wassal għal diversi kitbiet letterarji li komplew jenfasizzaw din l-idea, fosthom l-aktar riċenti, The Da Vinci Code ta’ Dan Brown u The Templar Legacy ta’ Steve Berry.
Jekk ħsibtu li hemm jum wieħed biss ta’ sfortuna, sjerin żmerċ. Il-Griegi jemmnu fi sfortuna kbira meta jkun it-Tlieta, 13 tax-xahar, u t-Taljani jemmnu fl-isfortuna meta jkun il-Ġimgħa, 17 tax-xahar.
Huwa jum li jħalli l-effetti tiegħu. Skont l-iStress Management Center and Phobia Institute f’North Carolina, bejn 17 u 21 miljun persuna fl-Istati Uniti huma effetwati minn biża’ f’dan il-jum. Hemm min tant ikun paralizzat li ma jmurx għax-xogħol. Infatti, huwa stmat li bejn $800 u $900 jintilfu f’negozju f’jum bħal-llum.
Hemm ukoll deċiżjoniijiet ftit strambi u ironiċi, bħal ma jseħħ fil-Finlandja. Konsorzju bejn organizazzjonijiet tal-Gvern u oħrajn indipendenti ddeċidew li kull nhar ta’ Ġimgħa, 13 tax-xahar ikun jum nazzjonali għall-ħolqien ta’ kuxjenza dwar inċidenti.