Illum fil-Parlament Ewropew fi Brussell se jsir is-smigħ jew kif inhu magħruf “grilling” tan-nominat Malti għall-Kummissarju Ewropew, Glenn Micallef. Huwa ġie assenjat mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen bil-portafoll importanti taż-żgħażagħ, il-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet, l-isport u l-kultura.
Bejn is-2:30pm u l-5:30pm, Micallef se jidher quddiem rappreżentanti tal-Kumitati tal-Parlament Ewropew fl-oqsma tal-kultura u l-edukazzjoni, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, tal-ġustizzja u tal-affarijiet legali.
Hawnhekk Micallef mistenni jiffaċċja numru ta’ mistoqsijiet skjetti mill-Membri Parlamentari Ewropej, fosthom dwar dan l-irwol li ġie assenjat mill-President tal-Kummissjoni Ewropea.
Illum huwa l-ewwel jum li fihom se jsir il-grilling lis-26 nominat għall-Kummissarju Ewropew. S’issa hija biss il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, li hija kkonfermata fl-irwol tagħha. Dan wara vot fil-Parlament Ewropew, f’Lulju li għadda.
Dawn il-grillings se jibqgħu għaddejjin sat-12 ta’ Novembru li ġej.
ONE News se jkun qed iżommkom aġġornat b’dak kollu li se jiġri fi Brussel, kemm fl-aġġornamenti tal-aħbarijiet, il-bullettin prinċipali tas-7:30pm u anki fuq is-sit one.com.mt.