Illum quddiem Qorti Ingliża f’Londra beda jinstema’ l-każ tat-tifla ta’ seba’ snin bl-isem ta’ Arsema.
It-tifla fuq ordni ta’ ħarsien kienet inħatfet minn ommha f’Ottubru li għadda u siefret biha minn pajjiżna.
Nhar is-Sibt li għadda l-Gvern ħabbar li t-tifla nstabet qawwija u sħiħa fl-Ingilterra u llum fir-Royal Courts of Justice, l-Imħallef sema’ l-argumenti tal-avukati miż-żewġ partijiet.
Wara s-seduta fil-Qorti, l-Avukat Andy Ellul, li jinsab f’Londra jirrappreżenta l-Gvern tkellem ma’ ONE News.
Huwa spjega d-deċiżjoni li għandha quddiemha l-Qorti Ingliża.
Qal, “Il-Qorti Ingliża issa trid tagħti deċiżjoni jekk it-tifla tiġix ritornata Malta jew le. Dan ħa jiġri issa wara li l-Qorti tisma’ x-xhieda u tkun f’pożizzjoni iktar li tieħu deċiżjoni.”
Dr Ellul saħaq li l-każ ġie diferit għall-għaxra ta’ Diċembru.
Spjega, “Jista’ jagħti deċiżjoni fl-10 ta’ Diċembru u jista’ le, jiġifieri dik hija fid-deskrizzjoni tal-Qorti. Ovvjament il-Ministeru tal-Familja kien rappreżentat minn avukati, minn avukati Barristers, Ingliżi u wieħed issa jistenna l-eżitu tal-kawża kif se titmexxa ’l quddiem. F’dan l-istadju wieħed jifhem li aħna bħala avukati preklużi li nagħtu dettalji tal-kawża.”