It-tmienja ta’ Diċembru, jum l-Immakulata Kunċizzjoni.
Jum għall-qalb ħafna persuni, min għaliex jixtri r-rigali tal-Milied iżda din il-ġurnata hija jum ta’ festa għall-Bormliżi.
F’dan il-jum il-Knisja Kattolika tiċċelebra l-Marija li ġiet imnissla bla dnub tan-nisel, fejn fit-8 ta’ Diċembru 1854, Papa Piju IX iddefinixxa d-Domma tal-Immakulata.
Minkejja li din is-sena, il-festa hija waħda differenti, il-Bormliżi xorta qed jiċċelebraw din il-festa kif jistgħu.
Il-qofol ta’ din il-festa b’differenza ġiet iċċelebrata b’quddiesa solenni t-Tlieta filgħodu kkonċelebrata mill-Arċipriet tal-Parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja Ħaż-Żabbar Dun Evan Caruana, bil-paniġierku minsuġ minn Patri Christopher Caruana. Hawn attenda wkoll il-Prim Minsitru Robert Abela u martu, Lydia Abela flimkien ma’ bosta deputati miz-zewg nahat tal-kamra.
ONE News tkellem ma’ diversi Bormliżi, li qalu kif din id-devozzjoni tagħhom lejn Marija Immakulata tibqa’ waħda b’saħħitha, kif qal magħna s-Segretarju tal-Banda San Ġorġ Carmel Abela.
Huwa qal, “Hija festa b’differenza, iżda aħna l-Bormliżi kapaċi niċċelebraw il-festa ta’ ġewwa. Il-Kunċizzjoni qiegħda f’qalbna, kienet għadha u tibqa’, se tkun is-sena kollha. Dis-sena d-differenza hija li mhux se nagħmlu l-marċi ta’ barra, mhux se nagħmlu l-festi ta’ barra, imma l-festi ta’ barra ħa jibqgħu hemm anzi se jkollna niffukaw iżjed fuq il-festi ta’ ġewwa.”
Bormliżi oħra saħqu magħna x’fissret għalihom li din is-sena xorta ċċelebraw din il-festa.
Huma qalulna, “Din is-sena kif inhi minħabba l-pandemija kollox ġewwa. Issa aħna mdorrijin għax ifmini ġieli ma ħarġitx.”
Bormliż ieħor stqarr magħna, “Aħna nħobbuha ħafna l-Bormliżi u għax din il-festa tiġi fil-maltemp, imma l-Mulej hekk ikun irid. Aħna l-aqwa li nħobbuha u nitolbu għal kulħadd.”
Intant it-Tlieta filgħodu f’Ruma, il-Papa Franġisku, f’xita qalila, mar ġewwa Piazza di Spagna sabiex jikkommora din il-festa. Dan minflok iċ-ċelebrazzjoni li ssir f’jum il-Kunċizzjoni wara nofsinhar f’din l-istess pjazza.