“Ta’ dsatax-il sena għamilt wegħda miegħi nnifsi biex nuri minn dejjem dak li ħassejt jien.”
Dan huwa kliem Mileena Farrugia, persuna li sa minn ċkunitha kellha taħbi l-identità tagħha.
Minkejja li Mileena twieldet bħala Clive, kienet tħossha differenti minn dak li kienet tara meta tħares lejn il-mera.
Mileena kienet ħarġet bħala persuna omosesswali wara li kienet temmet l-istudji tagħha fis-sekondarja, iżda, xorta waħda ħasset li dik l-identità ma kinetx taqbel ma min verament bdiet tħossha li hi.
Mileena fissritilna: “Bdejt ninvestiga, inkompli ninvestiga min vera jien, għax xorta kont għadni mdejqa u ma ħassejtnix jiena, għadni m’iniex lesta u kont nidħol fuq l-istejjer ta’ ħaddieħor; min għamel it-transition. Ovvjament mort għand it-tobba u psikologu ħalli nkun ċerta, għax din mhix li tibda mil-lum għal għada.”
Il-bullying kienet tibża’ minnu aktar mill-bard ta’ Jannar, u għalhekk, biex tevita dan, fi żmien l-iskola kienet tagħmilha ma grupp ta’ subien biex iżżomm l-identità tagħha mistura.
Mileena sostniet: “Meta kont inkun l-iskola dejjem kont nagħmilha ma’ ħbieb irġiel u kont bilfors rrid noqgħod għalija u naħbi l-identità tiegħi biex ma ninkwetax lil ċertu nies għal dak iż-żmien. Dejjem kont inkun parti mal-grupp, dejjem kont inkun bħalhom eżatt u naħbi l-identità tiegħi, li kienet vera problema kbira f’ħajti.”
Iżda llum Mileena qisha bħal fjura li fjorixxiet u qed tkun voċifera lejn id-drittijiet tagħha u ta’ nies oħra li forsi għadhom ma sabux il-kuraġġ joħorġu jgħidu min iħossu li huma.
F’dawn l-aħħar snin pajjiżna għamel passi ta’ ġgant fid-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ, biex illum għandna soċjetà aktar inklussiva fejn minflok tara d-differenzi ta’ bejnietna, tara li lkoll għandna bżonn lil xulxin.
Intant Mileena għaddiet messaġġ ta’ kuraġġ għal kull persuna li bħalissa għaddejja minn perjodu li għadha qed tiskopri min verament hi.
Hija appellat: “Be yourself, dik hija the best medicine that you can ever find: to be yourself.”