Waqt laqgħa f’Kastilja bħala ringrazzjament għas-servizz eċċelenti li ngħata minn ħafna ħaddiema wara l-maltemp li ħakem lil pajjiżna fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li permezz tal-attività tal-llum qed jingħata wiċċ lil ħafna persuni li taw servizz lil ħafna matul tmiem il-ġimgħa li għadda.
Dr Muscat stqarr li l-maltempata ma kellhiex aktar effetti milli kellha għax kien hemm ħidma u koordinazzjoni bejn mijiet ta’ ħaddiema u voluntiera li permezz ta’ ħidmiethom ħallew lil pajjiż għaddej.
“Irridu nuru lil poplu Malti u Għawdxi kollu li intom għamiltu dan kollu possibli filwaqt li urejtu li dan il-pajjiż għandu sistemi li jaħdmu u li qegħdin f’posthom ”, sostna l-Prim Ministru lid-delegazzjonijiet preżenti għal din l-attività.
Il-Prim Ministru stqarr li bħala Gvern għadu għaddej ix-xogħol biex wieħed ikun jista’ jara l-impatt ta’ din il-maltempata filwaqt li rreaferma l-impenn tal-Gvern li se jkun hemm għajnuna lil bdiewa, sajjieda u raħħala li ġew milquta b’mod ħażin u li m’hemm ħadd jagħmel tajjeb għalihom. Dr Muscat tenna wkoll li l-Gvern ma jistax iservi bħala kumpanija tal-assikurazzjoni privata, filwaqt li minkejja dan xorta waħda jifhem kif kienu bosta dawk il-familji, dawk il-persuni li sofrew danni konsegwenza tal-maltempata.
Fl-aħħarnett il-Prim Ministru Joseph Muscat reġa’ tenna r-ringrazzjament tiegħu lil dawk kollha preżenti.
Għal waqt din l-attività kien hemm preżenti rappreżentanza mill-Protezzjoni Ċivili, il-Pulizija, il-Forzi Armati ta’ Malta, minn Mater Dei, mill-Malta Industrial Parks, mid-Dipartiment tal-Loġistika fi ħdan Ministeru tal-Edukazzjoni, mill-Enemalta, mill-Water Services Corporation, mill-MIA, mill-MET Office, mill-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi, minn Heritage Malta, mid-Dipartiment tat-Tindif, mil-LESA, minn Festivals Malta, mill-Kunsill Malti għall-Arti, mill-ELC, minn Ambjent Malta, mir-Response Team tal-Biedja fi ħdan is-Segretarjat, minn Transport Malta, mit-Trasport Pubbliku, minn Infrastructure Malta, mill-Gozo Chanel, minn Eco Għawdex, minn Rural Gozo, mill-Uffiċċju tal-Implimentazzjoni fi ħdan il-Ministeru ta’ Għawdex, mill-Awtorità tad-Djar, mill-Malta Red Cross, St. John Rescue Corps, mill-ERRC flimkien mal-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni GO, Vodafone u Melita.
Thank you to the hundreds of workers and volunteers who worked incessantly during and in the aftermath of last weekend’s heavy storm -JM pic.twitter.com/YbXD3YzJWi
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) February 28, 2019