Kull filgħodu għadni nqum xi ftit maħsuda, moħħi sħaba ta’ thewdin.
Illum PE kit jew uniformi?
Hemm ħobż frisk għall-lunch?
Il-pitazz tal-home-school-link ittawwaltlu sew il-bieraħ?
Tgħid nerġgħu ngħaddu l-kliem tal-ispelling game jew sar il-ħin?
Imbagħad is-sħana tfakkarni li issa s-sajf, u ibni għadu rieqed raqda li qabel id-disgħa mhux se tintemm. Aktar ma jikber aktar jikbru r-responsabilitajiet. Sirt nirrelata ħafna ma’ dawk il-ġenituri li wliedhom qed jirċievu r-riżultati tal-O u l-A levels, u ngħid: dalwaqt imiss lilna.
Iżda fejn qabel dawn l-eżamijiet kienu akkumpanjati minn sens ta’ biża, li jew tgħaddi minnhom jew tasal tarf id-dinja, naħseb illum is-sitwazzjoni qed tinbidel, għaliex is-servizzi żdiedu. Ħadt gost li għal sena oħra se jkunu offruti lezzjonijiet tal-privat b’xejn lil dawk li m’għaddewx mis-suġġetti bażiċi tal-O’Levels. L-applikazzjonijiet jagħlqu propju għada, it-Tnejn 18 ta’ Lulju. Qabel, jekk il-familja ma kienx ikollha mezzi biżżejjed biex tibgħat lit-tfal għal privat, kien ikollu jkun miraklu biex jgħaddu. Nistenna xorta waħda sens ta’ responsabilità, li dawk li jinkitbu jattendu għall-lezzjonijiet kollha u jkunu mħeġġa mill-ġenituri.
Ħadt gost ukoll li l-programm GEM16+ issa huwa rikonoxxut mill-MCAST u mill-ITS, għax iservi ta’ tarġa għal dawk l-istudenti li ma jkollhomx il-kwalifiki meħtieġa fil-livell tas-SEC.
Kull ġenitur jixtieq li wliedu jgħaddu mallewwel. Iżda kull ġenitur ukoll illum jista’ jserraħ rasu li opportunitajiet hemm, mhux biss għal min kapaċi javvanza mal-ewwel fis-sistema edukattiva. Kunċett li tgħallimt tul ħajti huwa li kull bniedem kapaċi jassorbi l-informazzjoni jew jintegra ruħu f’sistema bil-mod uniku tiegħu. Ma neħdoha xejn bi kbira li tfal intelliġenti ma jgħaddux minn eżamijiet bħal tas-SEC – mhuwiex sinjal ta’ nuqqas ta’ bravura.
La qed insemmi d-diversità, ma nistax infaħħar biżżejjed il-fatt li llum, ġenituri għandhom id-dritt jibgħatu lill-uliedhom għal-lezzjonijiet tar-Religjon, u għandhom id-dritt ma jibgħatuhomx ukoll. F’uħud mill-iskejjel daħal is-suġġett tal-Etika waqt il-lezzjonijiet tar-Reliġjon. Napprezza l-fatt li fl-iskola, ibni mhux biss jitgħallem kif jiżviluppa akkademikament, iżda kif jifforma l-karattru tiegħu. Il-preżenza ta’ kulturi u mentalitajiet differenti fil-klassi tgħinu jirrealizza li hemm aktar minn mod wieħed kif tgħix. Ladarba qed jitgħallem dan il-kunċett tant siewi biex isir adult li jaf jirrispetta lill-ħaddieħor, jagħmlu sew l-awtoritajiet jirrispettaw dan il-kunċett fil-prattika.
Kunċett li se jkun utli għall-ibni ladarba jsib ruħu fil-post tax-xogħol. Din is-sena kellu ħafna ‘outings’ li fihom żar postijiet tax-xogħol. Darba minnhom żar kċina ta’ restaurant u sajjar pizza, li kelli nikkonsmaha filwaqt li nagħmel tabirruħi li l-aqwa li qatt doqt. Dan l-episodju baqa’ ħaj f’moħħi u jfakkarni fl-istudenti tal-Programm Edukattiv Alternattiv, li qed jitgħallmu ħiliet li ma tistax tiksibhom fil-klassi. Dan il-programm ipprovda triq alternattiva għal għexieren ta’ żgħażagħ li kienu aljenati bis-sistema edukattiva. Mhux darba jew tnejn ukoll li ġew studenti mill-iskejjel sekondarji jagħmlu esperjenza magħna fil-kamra tal-aħbarijiet. Rajthom jidħlu mod u joħorġu mod ieħor, għax daqu xi tfisser id-dinja tax-xogħol.
Kull filgħodu nammetti li għadni nisma l-kliem: ‘MA RRIDX NAGĦMEL REVISION’ – li jingħad kważi bi drawwa, għax ladarba jibda’, ma jkunx irid jieqaf. Hawn nikkonkludi li filwaqt li aħna l-ġenituri rridu nkunu sabiex uliedna jirċievu edukazzjoni li tixraqilhom, illum hemm opportunitajiet. Bil-mod-il mod qed nibdew naħbu mhux biss għal min jidħol kexxu fis-sistema, u dan iserraħli rasi bħala ġenitur.