Fil-ġurnata tat-Tnejn, Malta esperjenzat l-aktar ġurnata sħuna li qatt ġiet irrekordjata fix-xahar ta’ April. Minn informazzjoni mill-istazzjon tat-temp f’Ħal Lija, Malta daqet temperatura rekord li laħqet il-wieħed u tletin punt tmin gradi Celsius (31.8°C) għall-ħabta tat-tlieta neqsin kwart ta’ waranofsinhar.
Din it-temperatura fissret tnax-il grad Celsius (12°C) ogħla mill-medja staġjonali.
Qabel il-ġurnata tal-ewwel t’April 2024, l-aktar waħda sħuna mkejla fl-istorja għax-xahar t’April kienet dik tad-9 t’April 1985, disgħa u tletin sena ilu bit-temperatura dakinhar tmiss it-tletin punt seba’ gradi Celsius (30.7°C).
L-istazzjon tat-temp f’Ħal Lija, irrapporta li, minkejja din is-sħana barra minn lokha, it-temperaturi mistennija jerġgħu jonqsu mit-Tlieta 2 t’April u jinżlu bi kważi għaxar gradi Celsius (10°C) f’daqqa minħabba r-riħ fuq li jdur mill-Majjistral.
Il-preżenza tax-xemx xorta se tibqa’ qawwija, b’raġġi tal-indiċi UV qawwija u, għaldaqstant, il-pubbliku għandu xorta waħda joqgħod attent meta jkun espost dirett fix-xemx.