“Illum nifhem għaliex it-turisti jagħżlu li jqattgħu l-btala tagħhom f’Malta.”
Kliem il-President tal-Irlanda, Michael D. Higgins, fit-tieni jum taż-Żjara Statali tiegħu f’pajjiżna.
F’Kummenti li ta lil ONE News wara li tpaxxa bix-xenarju tal-Port il-Kbir mill-Barrakka ta’ Fuq, il-President Irlandiż tkellem dwar kif baqa’ impressjonat bil-wirt kulturali u storiku sinjur li għandha Malta.
Qal, “Giving Malta itself, to see that’s a couple of square feet that I’m looking at, has a history, a beauty in itself. I can understand why people want to come and visit Malta. It is very interesting; the very times that the sun wasn’t shining and I was reading about Malta and its cross roots of religion, political engagements, and empire.”
Il-President Higgins, li deher li jaf sew dwar l-istorja ta’ Malta, qal li din hija l-ewwel darba tiegħu f’pajjiżna u nnota l-arkitettura storika li għandu l-pajjiż.
Il-President Irlandiż semma r-rabtiet kbar li hemm bejn l-Irlanda u Malta u kif din iż-żjara kompliet issaħħaħ ir-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.
Min-naħa tiegħu, il-President ta’ Malta, George Vella, tkellem ma’ One News dwar kif kemm l-Irlanda kif ukoll Malta għandhom ħafna affarijiet komuni u, għalhekk, hemm relazzjoni b’saħħitha bejniethom.
Qal, “Ir-relazzjonijiet huma tajbin ħafna, jiġifieri fid-diskors diplomatiku ma kellniex outstanding issues. Aħna nikkoperaw f’kollox, għandna l-istess opinjonijiet fir-rigward dawk li huma issues internazzjonali, naħsbu l-istess fil-fora internazzjonali u anke, imbagħad, ovvjament, fl-Unjoni Ewropea. Li hemm tajjeb li bħalissa aħna qed nittamaw li nkunu fis-siġġu mhux permanenti tal-Ġnus Magħquda, fejn l-Irlanda għadha kemm ħarġet, Jien nirringrazzjawhom għaliex anke filwaqt li qegħdin hemmekk taw opporunità lin-nies u d-diplomatiċi minn tagħna sabiex anke jkunu aċċessibli għalihom biex anke jieħdu ċertu tagħlim minn hemmhekk.”
Mument sinifikanti kien proprju meta l-President tal-Irlanda, akkumpanjat minn martu Sabina, wera x-xewqa li jsellem il-memorja tal-eks Prim Ministru Duminku Mintoff fi Pjazza Kastilja.
Fil-post huma ltaqgħu ma’ numru ta’ turisti Irlandiżi li jinsabu f’pajjiżna għal btala, li ħadu l-opporunità biex jieħdu ritratt mal-President tagħhom, u jitkellmu bil-lingwa Irlandiża jew, kif inhi magħrufa, il-Gaelic.
Intant, mal-wasla tal-President Higgins fil-Barrakka ta’ Fuq, ġew sparati żewġ tiri mill-kanuni tal-Fondazzjoni Wirt Artna.
Id-Delegazzjoni Irlandiża żaret ukoll l-uffiċini tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil, fil-Belt Valletta.
Intant, il-Ħamis filgħaxija saret iċ-Ċena Statali fis-Sacra Infermeria, fejn saru diskorsi mill-Presidenti tal-Irlanda u ta’ Malta.
Iż-Żjara Statali se tintemm fil-jum tas-Sibt, wara li l-President Irlandiż iżur it-Tempji ta’ Ħaġar Qim, fil-Qrendi.
Huwa jħalli pajjiżna b’titjira lejn l-Irlanda għall-ħabta tal-4:00pm.