Il-poplu llum se jagħti bi ħġaru l-aħħar tislima lid-disa’ Prim Ministru ta’ Malta u eks Mexxej Laburista, Karmenu Mifsud Bonnici, li ħalla din id-dinja nhar is-Sibt filgħodu fl-għomor ta’ 89 sena.
Il-quddiesa tal-funeral se ssir fil-Knisja tal-Kunċizzjoni tal-Ħamrun fis-2.30pm. Fi triqtu lejn il-knisja, il-korteo se jgħaddi minn quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, fejn il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, u l-uffiċjali tal-partit se jagħtu l-aħħar tislima lil dak li mexxa lill-Partit Laburista bejn l-1984 u l-1992.
Għalkemm il-Gvern offra li jsir funeral Statali għal Karmenu Mifsud Bonnici, il-familja tiegħu infurmat lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru li, filwaqt li tapprezza dan il-ġest, permezz ta’ ittra dikjaratorja li ffirma qabel mewtu Karmenu Mifsud Bonnici esprima x-xewqa li ma jsirlux funeral ta’ dan it-tip. Għaldaqstant, b’rispett sħiħ lejn din ix-xewqa, il-Gvern qed jgħin lill-familja fl-organizzazzjoni ta’ funeral mhux Statali. Quddiem il-Knisja se jintrama’ skrin kbir sabiex ikun jista’ jsegwi l-quddiesa anki min ma jsibx post fil-knisja.
Intant, illum huwa t-tieni minn jumejn ta’ luttu nazzjonali li qed jiġu osservati fil-pajjiż. Il-bnadar fuq il-bini pubbliku kollu qed jittajru mezz’asta b’sinjal ta’ rispett lejn l-eks Prim Ministru.
Il-funeral ta’ Karmenu Mifsud Bonnici se jixxandar dirett waqt trażmissjoni speċjali fuq l-istazzjonijiet tat-televizjoni u tar-radju ta’ ONE kif ukoll fuq one.com.mt. Il-programm, li se tmexxih Antoinette Falzon, se jinkludi diskussjonijiet ma’ diversi mistiedna li se jaqsmu t-tifkiriet tal-ħidma u l-ħbiberija tagħhom ma’ Karmenu Mifsud Bonnici.
Se jsiru wkoll kollegamenti diretti.Il-programm speċjali jibda fis-1pm u, għall-ħabta tas-2.30pm, ixandar dirett il-quddiesa tal-funeral.