Illum, il-Ħamis 4 t’April 2024, in-Nutara Myriam Spiteri Debono se tinħatar bħala l-ħdax-il President tar-Repubblika.
Din il-ħatra hi waħda storika, hekk kif għall-ewwel darba, għall-ħatra Presidenzjali kellu jkun hemm qbil minn żewġ terzi tal-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Dan wara riforma storika li ddaħħlet mill-Gvern tal-Prim Ministru Robert Abela, f’Lulju tal-2020.
Il-President-elett Spiteri Debono se titlaq minn darha f’Birkirkara għall-ħabta tad-9:30am, fejn se tmur lejn il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.
Hawnhekk għall-ħabta tal-10am se ssir il-Quddiesa Solenni għal Art Twelidna kkonċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta, il-Monsinjur Charles Scicluna.
Wara n-Nutara Spiteri Debono se timxi mil-Kon-Katidral lejn il-Palazz tal-Gran Mastru, fejn hawnhekk se tiltaqa’ man-nies li se jkunu preżenti.
Għall-ħabta ta’ nofsinhar, se tibda seduta Parlamentari speċjali fis-Sala tat-Tron fil-Palazz fil-Belt, immexxija mill-Ispeaker tal-Parlament, Anġlu Farrugia.
Hawnhekk Myriam Spiteri Debono se tieħu l-ġurament tal-ħatra bħala l-11-il-Kap tal-Istat Malti.
Wara diskors tal-okkażjoni, hi ssellem lin-nies preżenti miġbura fi Pjazza San Ġorġ mill-gallarija tal-Palazz Presidenzjali.
Fi Pjazza San Ġorġ, il-President il-ġdida tispezzjona l-ewwel Gwardja tal-Unur tagħha bħala l-ħdax-il Kap tal-Istat fl-aħħar ħamsin sena.
Sussegwentement se tpoġġi kuruna tal-fjuri fuq il-Monument tal-Gwerra fil-Furjana u tmur għall-ewwel darba fil-Palazz ta’ San Anton.
Hawnhekk hi se tiltaqa’ mal-ħaddiema tal-Palazz u wara jkollha laqgħat ta’ korteżija, l-ewwel mal-Prim Ministru Robert Abela u wara mal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.