Illum, Monsinjur Victor Grech se jkun espost għall-pubbliku fiċ-Ċentru tal-Komunità Terapewtika ta’ San Blas fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ. Dan se jseħħ bejn l-10:30am u s-1pm, u bejn it-3pm u s-6pm.
Fiċ-Ċentru se jkun hemm ukoll il-ktieb tal-kondoljanzi fejn il-pubbliku jkun jista’ jiffirma.
F’dan il-ħin, il-parking ta’ Gianpula se jkun miftuħ biex wieħed jista’ jipparkja f’dan il-parkeġġ.
Fi stqarrija, Caritas Malta qalet li l-Caritas Community Centre, fi Triq Mountbatten, Il-Ħamrun, illum se jkun magħluq bħala sinjal tal-luttu għat-telfa ta’ Monsinjur Victor Grech.
Il-fundatur ta’ Caritas Malta ħalla din id-dinja l-Erbgħa li għadda, fl-għomor ta’ 95 sena.
L-aħħar tislima lil Dun Victor Grech se ssir għada fl-10:30am f’quddiesa fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, ikkonċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta, il-Monsinjur Charles J. Scicluna.
Preżenti se jkun hemm l-ogħla awtoritajiet, fosthom il-President Myriam Spiteri Debono u l-Prim Ministru Robert Abela.
Il-familja ta’ Monsinjur Grech uriet ix-xewqa li flok fjuri jintbagħtu donazzjonijiet lill-Fondazzjoni Caritas Malta.
Għada, l-istazzjon ONE se jxandar programm speċjali sabiex jagħti l-aħħar tislima lil dan is-sarċerdot maħbub.