Bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Michael Emmanuel ta’ 28 sena mill-Kosta tal-Avorju li qed jiġi akkużat bil-qtil ta’ sieħba tiegħu Maria Lourdes Agius ix-xahar li għadda.
Fuq il-pedana tax-xhieda, l-investigatur ewlieni l-Ispettur James Grech mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet qal kif kien Emmanuel stess li dakinhar tal-15 ta’ Settembru mar jirrapporta l-Għassa ta’ Raħal Ġdid li s-sieħba tiegħu ma setgħetx tqum.
Qal kif minnufih fuq il-post fi Triq Tortell marru l-Pulizija fejn sabu l-katavru ta’ Agius mindud fuq in-naħa tal-lemin tagħha u sieqha kiesħa. Fid-dawl ta’ rapport ta’ Vjolenza Domestika jumejn qabel, il-Pulizija bdew jittrattaw dan il-każ bħala wieħed suspettuż tant li ssejħet il-Maġistrat tal-Għassa.
L-Ispettur Grech qal kif kien it-Tabib Forensiku Mario Scerri li ddetermina li l-vittma, omm ta’ sebat itfal, kellha bosta marki ta’ vjolenza fosthom feriti fuq rasha, tbenġil f’għonqha u grif ma’ ġisimha. Mill-awtopsja sar magħruf li Lourdes mietet fgata u li sabiex inqatlet, għalqilha ħalqha.
L-Ispettur Grech żvela li mill-interogazzjoni rriżulta li l-vittma u l-aggressur kellhom x’jaqsmu sesswalment f’dak il-lejl li nqatlet. Ġie determinat li huma kienu ilhom flimkien għal numru ta’ snin.
Emmanuel kien iltaqa’ ma’ Agius f’San Ġiljan u baqaw f’relazzjoni. Madankollu ngħad li l-akkużat irrabja meta ħarġet tqil mingħand persuna oħra.
Fil-Qorti ntqal kif ir-rapport tat-13 ta’ Settembru sar wara li l-aggressur kellu argument ma’ Lourdes u ommha tant li xeħħet lill-vittma mal-art u waddab siġġu, bit-tnejn li huma jittieħdu l-isptar.
Dakinhar stess l-agressur telaq mid-dar, b’ħu l-vittma jibdel is-sellatura tad-dar biex ma jidħolx. Intqal kif il-Pulizija ppruvat tfittex saqaf sabiex Michael Emmanuel ikun jista’ jorqod madankollu ħadd mill-Aġenzija Appoġġ ma rrisponda. Huwa qal lil Pulizija li kien se jfittex saqaf fuq rasu.
Fl-interogazzjoni l-akkużat qal kif hu u l-vittma kien qed ikollhom ħafna problemi anke minħabba t-tfal, għax skontu ma kinetx tagħti kas uliedha.
Fis-seduta tal-Ħamis filgħodu xehed fil-magħluq il-Psikjatra ta’ Michael Emmanuel li kien qed jinżamm fit-taqsima forensi tal-isptar Monte Carmeli.
Il-Kumpilazzjoni tax-xhieda qed tinġabar quddiem il-Maġistrat Claire Farrugia Frendo, filwaqt li l-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispetturi James Grech u Sarah Zerafa.
Għall-akkużat qed jidher l-Avukat Lucio Scrihia, bil-kumpilazzjoni tax-xhieda mistennija tkompli fit-22 ta’ Ottubru.