Illum mistenni li jingħata l-verdett fil-ġuri tad-Deputat Prim Ministru Taljan Matteo Salvini akkużat b’sekwestru meta żamm milli 147 immigrant jiżbarkaw fuq il-gżira ta’ Lampedusa fl-2019 meta kien jokkupa l-kariga ta’ Ministru tal-Intern.
Dan il-ġuri, ilu għaddej tliet snin, fejn tressqu 45 xhud matul 24 seduta u jekk Salvini jinstab ħati llum fil-qorti ta’ Palermo, jista’ jeħel sa’ sitt snin ħabs.

Iżda il-Kap tal-Lega diġa għamilha ċara li jekk jinstab ħati ma kienx se jirriżenja u kien jidħol fl-awla b’rasu mgħollija ’l fuq. Huwa jemmen li ma kkommetta l-ebda att kriminali għax iddefenda l-fruntiera ta’ pajjiżu fejn qal li jekk jinstab ħati din tkun telfa kbira għall-Italja u l-Ewropa.
F’kas li jinstab ħati, Salvini għandu d-dritt tal-appell, proċess li jaf jieħu snin qabel jingħata l-verdett finali. Id-deċiżjoni tal-imħallef se tkun ukoll dwar jekk il-protezzjoni tal-fruntieri għandiex preċedent fuq id-drittijiet umani, suġġett jaħraq fi Brussell.
Id-deċiżjoni tal-lum mistennija jkollha implikazzjonijiet sinifikanti kemm għall-Italja kif ukoll għall-Ewropa.