Illum fi Vjenna, l-Awstrija, Malta se tkun qed tiftaħ il-Kumitat Permanenti tal-Organizzazzjoni tas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE, li mill-bidu tas-sena għaddiet taħt il-Presidenza tagħha.
Dan hu żmien storiku għal pajjiżna hekk kif ġiet fdata biex tmexxi din l-akbar organizzazzjoni tat-tip tagħha u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Dr Ian Borg, qed jokkupa r-rwol ta’ Chairman-in Office.
Fl-indirizz tiegħu llum, Dr Borg mistenni jħabbar il-prijoritajiet ta’ Malta waqt l-istess Kumitat Permanenti li se jkunu l-qofol tal-Presidenza matul din is-sena.
L-OSCE tħaddan rappreżentanti minn 57 pajjiż fid-dinja, mill-Ewropa, l-Amerka ta’ Fuq u l-Ażja, waqt li r-rwol ewlieni tal-organizzazzjoni hu li toħloq pjattaforma ta’ djalogu biex jiġu evitati l-konflitti u jiġu diskussi soluzzjonijiet għal dawk diġà eżistenti favur dinja aktar sigura.
Malta ngħatat din il-pożizzjoni prestiġġjuża fuq il-bażi tar-reputazzjoni b’saħħitha li għandha internazzjonalment kif ukoll għall-messaġġ konsistenti li baqgħet twassal, dak favur il-paċi u d-djalogu.
Ilbieraħ, f’kumment ma’ ONE News, il-Ministru Borg qal kif “waħda mir-raġunijiet għaliex Malta kienet vijabbli għar-rwol, hu proprju għax għandha relazzjoni tajba ma’ kulħadd. Għaldaqstant dan jagħtina wkoll opportunità li nitkellmu ma’ ħafna pajjiżi li s-soltu jkollna inqas kuntatt magħhom. Mhux xi ħaġa faċli, però, nemmen li din se tkompli ttejjeb ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna lil hinn minn xtutna.”