Illum il-31 ta’ Marzu, pajjiżna jfakkar it-43 sena minn Jum il-Ħelsien. Ġrajja li tibqa’ mnaqqxa fl-istorja ta’ pajjiżna, li tfakkar il-jum meta l-Ingliżi ħallew darba għal dejjem lill-pajjiżna.
Sabiex inkisbet din il-kisba importanti, it-triq ma kinitx waħda faċli. Kien f’Marzu tal-1972, ftit xhur wara li nħatar Gvern ġdid Laburista, dak iż-żmien immexxi mill-Perit Dom Mintoff, li ffirma r-reviżjoni tat-Trattat tad-Difiża mal-Gvern Ingliż.
Hawnhekk il-Gvern Malti kien ġab pakkett ta’ 14-il miljun Strelina fis-sena għal seba’ snin u kien ġie miftiehem li l-Ingliżi jħallu lill-pajjiżna sal-aħħar ta’ Marzu tal-1979, seba’ snin wara.
Dan wara negozjati iebsin mal-Gvern Ingliż, bis-Segretarju Ingliż ta’ dak iż-żmien Lord Carrigton jgħid li Mintoff kien wieħed mill-aktar negozjaturi diffiċli li qatt iltaqa’ magħhom.
Dakinhar tal-31 ta’ Marzu 1979, eluf ta’ Maltin sfidaw ir-riħ u l-maltemp li kien għaddej, sabiex jiċċelebraw din l-akbar festa. Hawnhekk il-bandiera Ingliża tniżżlet u floka ttajret il-bajda u l-ħamra, il-bandiera Maltija.
Malta se tfakkar din il-ġrajja permezz ta’ ċerimonja dalgħodu fil-Birgu quddiem il-monument tal-Ħelsien, fejn preżenti se jkun fost l-ogħla awtoritajiet, fosthom il-President George Vella u l-Prim Ministru Robert Abela. Imbagħad wara nofsinhar, wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija, se ssir ir-regatta tradizzjonali ta’ Jum il-Ħelsien fil-Port il-Kbir.