Iċ-ċelebrazzjonijiet f’għeluq is-sittin sena ta’ Malta indipendenti bdew permezz ta’ marċ militari li telaq minn quddiem il-binja tal-Parlament sakemm wasal hawn f’Misraħ San Ġwann.
Kien għall-ħabta tad-disgħa u kwart ta’ filgħodu, x’ħin id-Deputat Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Kurunell Edric Zahra, wasal f’Misraħ San Ġwann fejn ingħata tislima mill-Gwardja tal-Unur.
Imbagħad il-Kurunell Zahra akkumpanja lill-Prim Ministru Robert Abela li wkoll ingħata tislima mill-Gwardja tal-Unur bid-daqq ta’ silta mill-innu nazzjonali.
Fid-disgħa u nofs ta’ filgħodu waslet il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, li ngħatat is-salut u spezzjonat il-Gwardja tal-Unur.
Imbagħad l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, flimkien ma’ deputati miż-żewġ naħat tal-kamra attendew għall-Quddiesa Pontifikali, li kienet iċċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta, il-Monsinjur Charles J. Scicluna.
Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof Scicluna kkwota frażijiet tas-saċerdot qaddis Malti, San Ġorġ Preca filwaqt li temmha billi fakkar kif din is-sena pajjiżna jiċċelebra anniversarju importanti ieħor fl-istorja tiegħu, dak tal-ħamsin sena minn meta Malta saret Repubblika.
Qal, “Jalla dawn l-anniversarji jkunu ċelebrazzjonijiet li jimlew il-poplu tagħna b’sens qawwi ta’ tama u bi spirtu sabiħ ta’ ottimiżmu. Jalla nikbru fl-umiltà biex naħdmu flimkien waqt li naffaċċjaw l-isfidi li qatt ma jonqsu.”
L-attivitajiet b’rabta ma’ dan l-anniversarju imbagħad komplew wara l-quddiesa, maġenb il-monument tal-Indipendenza fil-Furjana, fejn l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż qiegħdu l-fjuri b’turija ta’ rispett għal dan l-anniversarju. Imbagħad ukoll ġew sparati wieħed u għoxrin tir f’forma ta’ salut mill-Forzi Armati ta’ Malta.
Fil-fatt, kienet il-President ta’ Malta l-ewwel li poġġiet il-fjuri fuq dan il-monument imbagħad warajha segwew il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
Imbagħad segwa s-salut u d-daqq tal-innu Malti.
Wara, fid-disgħa u nofs ta’ dalgħodu, bdiet il-quddiesa pontifikali mmexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna.
Wara se jsir it-tqegħid tal-fjuri fuq il-monument tal-Indipendenza fil-Furjana mill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-President Spiteri Debono u l-Prim Ministru Robert Abela, waqt li jiġi sparat salut ta’ 21 tir mill-Forzi Armati ta’ Malta.