Illum l-bord tal-Agenzija Ewropea għall-Mediċini se jiltaqa’ fejn hu mistenni li japprova l-vaċċin ta’ BioNTech u Pfizer għal kontra l-COVID-19.
L-esperti tal-Agenzija mistennija jgħarblu l-affarijiet marbuta mal-vaċċin fosthom l-effettività tiegħu u r-riżultati li ħalla waqt il-provi.
Wara li l-vaċċin jiġi formalment issuġġerit biex ikun jista’ jidħol fis-suq, ikun imiss lill-Kummissjoni Ewropea li tissiġilla dak li tkun iddeċidiet l-Agenzija Ewropea għall-Mediċini.
Fil-fatt il-Kummissjoni Ewropea mistennija tapprova l-bejgħ tat-tilqima għall-COVID-19 fi ftit ħin biex huwa stmat li minnufih l-istati membri, inkluż Malta, jibdew jaslulhom l-ewwel kunsinji tal-vaċċin.
Il-Gvern Malti qed jistma li l-ewwel persuni se jibdew jitlaqqmu f’Malta nhar il-Ħadd li ġej.
Dan hekk kif wara l-approvazzjoni tal-vaċċin, il-kunsinja ta’ Malta titlaq mill-Belġju u tasal f’pajjiżna madwar tliet ijiem wara.
Il-vaċċin ta’ BioNTech u Pfizer irid jinżamm f’imħażen apposta f’temperaturi kesħin apposta.
Pajjiżna diġà għandu kollox għal-lest dwar dan.
Malta għandha ordnata man-nofs miljun doża tal-vaċċin ta’ BioNTech u Pfizer u aktar minn miljun doża mwiegħda tal-vaċċin ta’ ditti oħra, jiġifieri ta’ Moderna u Astra Zeneca.
Dawn iż-żewġ tipi ta’ tilqim mistennija jiġu approvati fiż-żmien li ġej.
Kull persuna f’Malta se jkun qed jitlaqqam għall-kontra l-Coronavirus mingħajr ħlas u se jiġi avżat sa minn ħamest ijiem qabel biex imur jitlaqqam.
Fuq medda ta’ ftit ġimgħat, persuna se tirċievi żewġ dożi tat-tilqima.