Illum il-Membri Parlamentari Ewropej se jivvotaw għall-Kulleġġ tal-Kummissarji l-ġdid, li se tfisser it-tieni leġiżlatura ta’ Ursula von der Leyen bħala President tal-Kummissjoni Ewropea.
Dan il-vot se jittieħed waqt sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew, fi Strassburgu.
Il-vot tal-lum se jsir wara li aktar kmieni dan ix-xahar, is-26 nominat kellu s-sessjoni ta’ smigħ, f’dak magħruf bħala “grilling” fil-Parlament Ewropew Ewropew, fi Brussell.
F’dan il-kulleġġ tal-Kummissarji hemm fost oħrajn in-nominat Malti, Glenn Micallef. Huwa ġie assenjat bil-portafoll importanti taż-żgħażagħ, il-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet, l-isport u l-kultura.
Micallef ġie approvat minnufih mill-Ewroparlamentari li kienu preżenti fil-kumitat responsabbli mill-edukazzjoni u l-kultura.
Fost dawk li hemm ukoll fil-Kulleġġ tal-Kummissarji hemm ukoll Kaja Kallas, li ġiet magħżula mill-mexxejja Ewropej, f’Ġunju li għadda, biex tkun ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.
Jekk il-plenarja tal-Parlament Ewropew tapprova l-Kulleġġ tal-Kummissarji b’mod sħiħ, il-leġiżlatura l-ġdida tal-Kummissjoni Ewropea tibda minn nhar il-Ħadd li ġej, l-ewwel ta’ Diċembru.
Dakinhar jibda wkoll it-terminu ta’ Antonio Costa bħala President tal-Kunsill Ewropew. Costa, il-ġimgħa l-oħra, kien f’pajjiżna fejn, fost oħrajn, kellu laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela.