Kellha tibda festa ta’ futbol.
Logħob sabiħ bil-ballun u festa ta’ kuluri fost il-partitarji tat-timijiet.
Illum kellha tibda l-kompetizzjoni tal-kampjonat Ewropew, magħrufa aħjar bħala Euro 2020.
Fl-Istadio Olimpico ta’ Ruma, kellu jitla’ s-siparju fejn fi grupp A l-Italja kienet se tilgħab kontra t-Turkija.
Id-destin kien mod ieħor hekk kif fis-sbatax ta’ Marzu, il-UEFA ħabbret li l-kampjonat li kellh jintlagħab dan is-sajf se jiġi pospost għal sena oħra kawża tal-imxija.
Minflok il-kampjonati domestiċi madwar l-Ewropa jkunu jistgħu jitkomplew.
L-edizzjoni tal-Euro 2020 kellha tkun is-sittax-il edizzjoni tal-kampjonat għall-pajjiżi Ewropej li kien se jaħbat ukoll mas-sittin anniversarju tal-ewwel Kampjonat Ewropew.
Sa ftit qabel ma ġie mħabbar li ġie pospost, għoxrin mill-finalisti tal-kampjonat Ewropew kienu magħrufa diġà, filwaqt li l-erbgħa l-oħra kienu se jkunu determinati fl-aħħar jiem ta’ Marzu.
Fl-edizzjoni ta din is-sena konna se naraw pajjiż wieħed li kien se jiddebutta għall-ewwel darba. Dan huwa it-team tal-Finlandja li ikkwalifika għall-ewwel darba f’kampjonat maġġuri fl-istorja tal-futbol tiegħu.
Għall-ewwel darba, il-kampjonat Ewropew kien se jkun mifrux fi tnax-il belt fi tnax-il pajjiż li jitkelmu għaxar lingwi differenti. Konna se naraw wieħed u ħamsin logħob b’kollox f’erba’ żoni tal-ħin differenti. Minn Ruma, fejn fiha kellha tintlagħab l-logħba tal-ftuħ għal Baku fl-Ażerbajġan.
Minn San Pietruburgu fir-Russja għal Kopenhagen fid-Danimarka u minn Amsterdam għal Londra.
Kellha tkun festa għall-miljuni ta’ dilettanti tal-logħba madwar l-Ewropa.
Il-finali kellha ssir f’Wembley Stadium, l-istess grawnd li kellu jilqa’ wkoll iż-żewġ semi-finali.
Ma naqsux ukoll it-timijiet kwotati li kellhom jgħollu t-tazza, wara li għamlu hekk l-Portugall erba’ snin ilu. L-iktar kwotati kienu r-rebbieħa tat-Tazza tad-Dinja, Franza.
Il-Ġermanja u l-Belġju kienu wkoll fost il-favoriti iżda bla dubju li kien se jkun hemm dawk il-pajjiżi li setgħu jissorprendu.
Għalissa jkollna nikkuntentaw b’futbol ieħor fuq livell ta’ clubs iżda l-istennija tibqa’ għall-ħdax ta’ Ġunju ta’ sena oħra meta jindaqqu l-innijiet nazzjonali qabel kull logħba u tispikka dik il-qalb tħabbat għan-nazzjonal li se jkun qed jilgħab f’din il-kompetizzjoni sabiħa tal-futbol.