Illum jirtira uffiċjalment it-tennista svizzeru ta’ 41 sena Roger Federer. Huwa se jkun qed jilgħab l-aħħar logħba tiegħu aktar tard illum fl-O2 Arena ta’ Londra meta se jkun qed jkun parti Team Europe waqt il-Laver Cup. Federer se jingħaqad mal-ispanjol Rafael Nadal u se jkun qed jilgħab kontra l-koppja Jack Sock u Frances Tiafoe, b’dawn tal-aħħar se jikkompetu għal Team World.
Fl-okkazjoni tal-irtirar ta’ Federer, il-bieraħ filgħaxija ittieħed ritratt ikoniku fejn it-tennista svizzeru ingħaqad ma’ tliet ġganti oħra tat-Tennis internazzjonali: Rafael Nadal, Andy Murray u Novak Djokovic.
Matul il-karriera tiegħu, Federer rebaħ xejn anqas minn 20 Grand Slam. F’dawn l-aħħar snin kellu problemi bl-irkoppa u kien għalhekk li ddeċieda li jtemm il-karriera.
L-aħħar turnament importanti li ħa sehem fih kien l-Open ta’ Wimbledon tas-sena li għaddiet.