Għall-kunċert ta’ Christina Aguilera, li sar bħala parti mill-Europride Valletta 2023, attendew aktar minn 38,000 ruħ fuq il-Fosos tal-Floriana.
Eluf oħra attendew għall-Pride March tradizzjonali fit-toroq tal-Belt Valletta.
Il-Ħadd niżel is-siparju fuq il-EuroPride Valletta 2023, li kienet id-29 edizzjoni minn kemm ilha tiġi organizzata fil-bliet Ewropej.
Wara 11-il jum, issa jinħass sens ta’ sodisfazzjon kemm mill-organizzaturi lokali kif ukoll mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Pride Organisers, li tagħti l-permess tagħha għal din il-manifestazzjoni.
Il-fatt li għaliha attendew eluf ta’ barranin, irriżultat fl-akbar parteċipazzjoni fl-istorja f’dawn l-aħħar 20 sena li Malta ilha torganizza l-Pride March.
Fil-EuroPride barra karrijiet b’messaġġi fuq id-drittijiet ċivili, l-ugwaljanza u l-inklużjoni, spikkat il-bandiera ġganteska ta’ kważi 25 metru bil-kuluri tal-qawsalla, li mindu ġiet iddisinjata minn Gilbert Baker fl-1978 saret simbolu li jirrappreżenta d-diversità tal-komunità’ LGBTIQ+.
Matul l-għaxart ijiem tal-EuroPride bit-tema Ugwaljanza mill-Qalb, saru mat-tmenin attività fi Pjazza Tritoni fejn il-Pride Village kien il-qalb ta’ ħafna minn dawn l-attivitajiet.
Fi stqarrija s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg qalet li hija sodisfatta bil-parteċipazzjoni mifruxa mhux biss tal-komunità LGBTIQ+ iżda wkoll tas-soċjetà ċivili.
Hija esprimiet fiduċja li l-EuroPride xprunat diskussjoni wiesa’ fil-pajjiż u serviet bħal mezz ta’ edukazzjoni biex jingħelbu l-preġudizzji fuq il-komunità LGBTIQ+.
Malta issa tgħaddi l-mandat għaċ-ċelebrazzjoni tal-EuroPride tas-sena d-dieħla lil Tessalonika fil-Greċja.