Illum tintlagħab l-aħħar ġurnata tal-kampjonati mondjali tal-Blackball fejn hemm stennija kbira għal żewġ finali li se jieħdu sehem fihom plejers Maltin.
Fil-fatt fis-2.30pm Lydan Debono jilgħab fil-finali individwali tal-irġiel kontra Dean Shields filwaqt li fl-istess ħin, Jake Castaldi jilgħab kontra Cohen Bradford fil-logħba deċiżiva fil-kategorija individwali ta’ taħt il-15-il sena.
Sadanittant ilbieraħ kompla dan l-avveniment b’diversi timijiet Maltin li kienu fl-azzjoni.
It-tim tal-irġiel kien involut f’erba’ logħbiet fejn rebaħ 17-8 kontra l-Belġju u 19-5 kontra l-Awstralja filwaqt li tilef 14-11 kontra Wales u 13-12 kontra l-Katalunja.
In-nisa Maltin kienu involuti fi tliet logħbiet fejn tilfu 13-12 kontra l-Awstralja, 18-7 kontra l-Ingilterra u 17-8 kontra l-Irlanda ta’ Fuq.
Is-Seniors rebħu lill-Katalunja 17-8 filwaqt li tilfu kontra l-Ingilterra 13-12.
Il-Masters kellhom logħba pożittiva kontra l-Belġju tant li rebħu 20-5 fejn taw wirja dominanti.
Fil-kategoriji taż-żgħażagħ, it-tim ta’ taħt it-23 sena ġie megħlub mill-Ingilterra 16-9 bit-tim ta’ taħt it-18-il sena jitlef 13-12 kontra Wales minkejja wirja qalbenija.
Finalment it-tim ta’ taħt it-15-il sena tilef 9-6 kontra l-Ingilterra.