Il-Professur Anthony Zammit se jingħata l-aħħar tislima llum it-Tlieta 7 ta’ Novembru fis-14:30 fil-Knisja ta’ Ħaż-Żebbuġ.
L-eks Membru Parlamentari Laburista ħalla din id-dinja fl-età ta’ 67 nhar is-Sibt li għadda, wara battalja mal-marda tal-kanċer.Il-Professur Zammit, li ġie elett fil-Parlament Malti fl-2008, ħalla impatt qawwi fil-qasam tal-mediċina, b’mod speċjali fil-qasam tal-kirurġija. Kien hu wkoll dak li opera lill-eks Prim Ministru Laburista, Alfred Sant f’Diċembru tal-2007, meta kien marid serjament.
Imwieled f’Tas-Sliema fis-26 ta’ Ġunju tal-1950, hu attenda għadd ta’ skejjel, sakemm ta’ tmintax-il sena daħal l-Università ta’ Malta biex jistudja l-Mediċina u l-Kirurġija. Wara li gradwa, rħielha lejn il-Ġermanja, fejn baqa’ jistudja l-mediċina għal għadd ta’ snin, waqt li ggradwa wkoll fil-Ġermaniż. Tant li spiċċa jgħallem fl-Università ta’ Dusseldorf. Illum-il ġurnata, ismu hu rikonoxxut f’għadd ta’ kitbiet li kiteb fi żmienu fil-Ġermanja.
Fl-1985 irritorna lejn pajjiżna fejn beda jservi bħala Konsulent Kirurgu fl-Isptar Ġenerali ta’ St. Luke’s u jgħallem il-Kirurġija fl-Universita’ ta’ Malta.
Il-grupp ONE isellem u jirringrazja lil Anthony Zammit, filwaqt li jesprimi l-kondoljanzi mal-familja tiegħu.