Festivals Malta qed ittella’ t-tnax-il edizzjoni tal-Valletta Baroque Festivav mill-11 ta’ Jannar sat-28 ta’ Jannar. F’dan l-avveniment annwali, se jkun hemm aktar minn 30 kunċert ta’ kalibru għoli u mifruxa fuq tliet ġimgħat għall-edizzjoni ta’ din is-sena.
Kif spjega d-Direttur Artistiku Kenneth Zammit Tabona, il-programm varjat tal-festival se jieħu lill-ispettaturi f’mill-inqas 15-il post madwar il-gżira.
Qal, “Għandna ppreparat għalikom iżjed minn 30 kunċert mifruxa f’postijiet barokki. It-Teatru Manoel, il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, l-Oratorju, il-Knisja tal-Ġiżwiti, il-Knisja ta’ Santa Katerina fiż-Żurrieq, il-Knisja tal-Annuzjata f’Ħal Tarxien, postijiet mifruxa kullimkien u li n-nies mhumiex tal-post imorru hemmhekk u jgħidu kemm għandna teżori barokki sbieħ.”
Il-Ħamis filgħaxija, il-festival jiftaħ il-bibien tiegħu b’eżekuzzjoni grandjuża tal-Passjoni ta’ San Ġwann ta’ Johann Sebastian Bach fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, immexxija mill-Valletta Baroque Ensemble (ViBE) u Kor Malta, taħt id-direzzjoni mużikali ta’ Riccardo Bianchi.
Il-Valletta Baroque Festival hu produzzjoni ta’ Festivals Malta, b’kollaborazzjoni ma’ Teatru Manoel u bl-appoġġ ta’ VisitMalta u l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.
Għal aktar informazzjoni dwar il-programm wieħed jista’ jżur is-sit festivals.mt/vbf