Il-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni ħalla din id-dinja 19-il sena ilu fl-età ta’ 84 sena, wara li ħakmitu marda qalila. Il-Pollakk, li ismu proprja kien Karol Woytyla, ġie elett bħala Papa fis-16 t’Ottubru tal-1978 u kien il-264 Kap tal-Knisja Kattolika u l-ewwel Papa minn pajjiż Slav.
Il-Papa, li tliet snin ilu ġie ddikjarat qaddis, baqa’ mfakkar l-aktar għall-132 pajjiż li żar fiż-żmien li għamel fil-kariga. Inkluż f’dawn il-mawriet, hu kien żar lil pajjiżna darbtejn, bl-ewwel darba tkun fl-1990 u t-tieni fl-2001, meta dakinhar, Dun Ġorġ Preca, Nazju Falzon u Suor Maria Adeodata Pisani ġew ibbeatifikati.
Il-Papa jibqa’ magħruf l-aktar għall-mezz ta’ djalogu u r-rikonċiljazzjoni, kif ukoll għall-id tal-ħbiberija li dejjem offra, anke fi żmien diffiċli fid-dinja, fejn ipprietka favur il-paċi minflok il-ġlied.
Il-funeral tal-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni seħħ fit-8 t’April tal-2005 fil-Vatikan, fejn għalih attendiet folla ta’ madwar żewġ miljun u nofs u jibqa’ meqjus bħala l-akbar massa Kattolika fl-istorja.
Fl-ewwel ta’ Mejju tal-2011, il-Papa Benedittu Sittax ibbeatifika lill-Papa Ġwanni Pawlu II, u tliet snin wara, ġie kkanonizzat flimkien mal-Papa Ġwanni Tlieta u Għoxrin.