Ilejla, il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela se jippreżenta l-ewwel Budget minn ħamsa għal din il-leġiżlatura.
Il-Budget għas-sena d-dieħla se jiġi ppreżentat mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana, fil-Parlament fis-6.30pm.
Ilbieraħ, il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan il-Budget se jkun ġust ma’ kulħadd u se jkomplu jmexxi lill-pajjiż fid-direzzjoni t-tajba. Huwa qal li, minkejja l-isfidi internazzjonali ta’ bħalissa, dan il-Budget għal darb’ oħra se jkun wieħed bla taxxi.
Intant, l-istazzjon ONE illejla se jxandar xandira straordinarja, li se tibda fl-4pm permezz ta’ edizzjoni speċjali tal-programm Pjazza, immexxi minn Karl Stagno Navarra.
Wara li tintwera l-wasla tal-Ministru Caruana għand il-President ta’ Malta fil-Palazz ta’ Sant Anton, għall-ħabta tas-6.30pm ONE se jingħaqad mas-sala tal-Parlament minn fejn se jwassal dirett id-diskors sħiħ tal-Budget.
Wara l-bulettin tal-aħbarijiet ta’ filgħaxija fuq ONE, jibda programm ta’ analiżi u diskussjoni dwar id-diskors u l-miżuri tal-Budget, immexxi minn Janice Bartolo. Waqt dan il-programmi speċjali se jkun hemm aġġornament diretti bl-aħħar aħbarijiet.
Dan apparti li ONE News se jkun qed jaġġorna s-sit elettroniku u l-paġna ta’ Facebook tiegħu bl-aħħar aħbarijiet dwar il-Budget b’mod kontinwu.