Is-Sibt filgħodu tħabbru d-dettalji dwar ir-riforma fl-għotjiet tal-istipendji li se tkun qed tara investiment addizzjonali ta’ sitt miljun u nofs ewro fuq medda ta’ tlett snin li minnhom se jibbenefikaw erbat elef u erba’ mitt student.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-istess ġurnata li l-istudenti setgħu jibdew japplikaw għall-istipendji b’rabta mas-sena skolastika 2023/2024.
Fil-fatt, sitta erbgħin kors ġew ikkatergoazzati f’żewġ kategoriji ġodda, magħrufa bħala preskritti u dawk ta’ prijorità għolja.
B’hekk dawn it-tibdiliet jimxu id f’id mal-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali tal-pajjiż għall-preżent u l-ġejjieni. Dan qiegħed isir b’mod partikolari favur is-setturi li għandhom x’jaqsmu max-xjenza, t-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika, magħrufa aħjar bħala suġġetti STEM.
Din ir-riforma, li se twassal għal stipendji għola tħabbret mill-Prim Ministru Robert Abela fl-aħħar ġimgħat u li se tkun qed tikkumplimenta ż-żidiet fl-investiment b’rabta mal-istipendji li raw żieda min madwar €28.2 miljun fl-2014 għal €32.8 miljun is-sena li għaddiet. Żieda ta’ 16.3%.
Apparti minn hekk, fil-preżent huma ftit inqas minn elfejn u ħames mitt student li qegħdin jistudjaw korsijiet preskritti fl-Università ta’ Malta u l-Kulleġġ Malti għall-Arti, x-Xjenza u, t-Teknoloġija.
F’numri tanġibbli l-istipendju normali jammonta għal madwar €106 fix-xahar u li fl-aħħar snin qiegħed jiżdied kull sena skont il-COLA. Fil-korsijiet meqjusa bħala preskritti student se jkollu €187 fix-xahar bħala stipendju, filwaqt li dawk li jattendu korsijiet ta’ prijorità għolja għall-ħtiġijiet tal-pajjiż se jkunu qegħdin jirċievu €375 fix-xahar.
Għall-ewwel darba din ir-riforma se tkun qed tintroduċi numru ta’ korsijiet meqjusa bħala preskritti li huma ta’ livell MQF 4, fejn storikament korsijiet preskritti jew ta’ prijorità għolja jibdew minn livell numru 5. Dawn iż-żidiet se jkunu qegħdin jidħlu fis-seħħ kollha matul it-tliet snin li ġejjin minn din is-sena skolastika.
F’din ir-riforma ġie wkoll innutat in-nuqqas fil-kapital uman fejn jidħlu l-għalliema kemm dawk li jgħallmu suġġetti marbuta mal-iSTEM u kemm għalliema tal-primarja.
Horace Laudi, li hu ċ-Chaiperson tal-bord responsabbli mill-istipendji ħeġġeġ l-istudenti biex jappilkaw mill-aktar fis possibbli u spjega x’kien l-għan ewlieni ta’ din ir-riforma.
“L-għan kien li aħna dak li qed inwettqu llum ikun ta’ sinerġija u jkun ukoll in-tune mal-aspirazzjonijiet ta’ dawn l-għaqdiet diversi kif ukoll ikunu f’sinerġija mal-istrateġiji li għandna fil-pajjiż.”
Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, Matthew Vella rringrazzja l-ħidma sfieqa li twettqet b’rabta ma’ din ir-riforma, li ddeskriviha bħala waħda li se tkun importanti biex tgħin lill-istudenti jilħqu l-aspirazzjonijiet rispettivi tagħhom.
Il-Ministru responsabbli mis-settur edukattiv, Clifton Grima, faħħar il-ħidma li saret filwaqt li spjega kif ir-riforma se tkun assessjata kontinwament biex tibqa’ tadatta skont il-ħtiġijiet tal-ġurnata.
“Rajna illi nagħtu propju din ir-riforma, dawn il-bidliet fil-mod kif jiġi assessjat dan kollu, ħa jkun evelwazzjoni kontinwa u propju b’dak li qegħdin inħabbru llum qegħdin inħajru pereżemju aktar social workers jieħdu dik il-karriera, dik il-professjoni tant nobbli, tant importanti għal pajjiżna.”