Illum jibdew uffiċjalment il-Kampjonati Ewropej tal-Kickboxing (ISKA AMA) f’Malta. Din hi l-ewwel darba li pajjiżna se jkun qed jorganiżża dan l-avveniment hekk prestiġġjuż. Kompetizzjoni li qed tlaqqa’ f’pajjiżna uħud mill-aqwa atleti tal-arti marzjali fl-Ewropa.
Dan l-avveniment qed isir fil-Malta Film Studios, il-Kalkara. Il-bieraħ filgħaxija, il-Ministru tal-Edukazzjoni u Sport Clifton Grima mexxa ċ-ċerimonja tal-ftuħ li laħqet il-qofol bid-dħul tal-atleti kollha parteċipanti.
B’kollox qed jieħdu sehem 820 atleta minn 20 pajjiż differenti, fosthom Malta. Il-pajjiżi l-oħra parteċipanti huma: Franza, il-Polonja, il-Georgia, l-Iskozja, l-Ażerbajġan in-Norveġja, il-Kroazja, id-Danimarka, l-Ingilterra, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, Spanja, l-Iżvizzera, Ċipru, il-Portugall, ir-Rumanija, l-Italja u l-Ukrajna.
Malta qed tikkompeti bi 52 atleta. Fost l-atleti maltin hemm ismijiet magħrufa f’pajjiżna bħal Emma Xuereb, Celeste Galea, Jesred Piscopo u Victor Galea.
Il-ġlidiet se jkunu f’kategoriji differenti, fosthom Kata/Forms, Wai Kru, Semi Contact Kickboxing, Light Contact Kickboxing, K-1 Light, Unified Kick Light, Muay Thai u Unified Rules.
Il-pubbliku huwa mħeġġeġ sabiex jattendui għal dan l-ispettaklu ta’ arti marzjali u jagħti l-appoġġ lill-atleti maltin.
(Photo Credit: Martin Agius)






