“Il-wieħed u għoxrin ta’ Ġunju jimmarka l-bidu tal-istaġun tas-sajf. Kif evidenti f’waħda mill-aktar bajjiet popolari fil-pajjiż, ħafna diġà bdew jiffrekkwentaw il-bajjiet f’pajjiżna, min biex iqatta’ ħin ta’ kwalità, u min biex jixxemmex.
Tkellimna mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika biex tgħidilna kif l-aħjar nieħdu ħsieb saħħitna b’mod partikolari l-ġilda tagħna minħabba x-xemx qawwija li tant hija magħrufa li taħkem lil pajjiżna matul ix-xhur sħan tas-sajf.
Qalet, “Importanti ħafna kemm jista’ jkun nevitaw li nkunu fix-xemx, speċjalment f’ħinijiet fejn ix-xemx tkun iktar qawwija, bejn il-ħdax ta’ filgħodu u l-erbgħa ta’ waranofsinhar. Jekk għandna bżonn noħorġu fix-xemx, importanti li nipproteġu lilna nfusna billi nilbsu lbies li jgħatti iktar, ilbies iktar ħafif biex ma tisħonx, u anki nilbsu nuċċali tax-xemx biex nipproteġu l-għajnejn u nilbsu kappell.”
Il-Professur Gauci saħqet li min ikun fix-xemx, huwa kruċjali li jagħmel il-krema għall-protezzjoni tax-xemx, u jara li s-sunblock li jixtri, jagħti protezzjoni kontra ż-żewġ tipi ta’ raġġi li jeżistu.
Qalet, “Meta nagħżlu sunscreen, importanti li nagħżluh li jipproteġi kemm għall-UV A u kif ukoll għall-UV B u li jkun ta’ sun protection factor għoli. Importanti wkoll li meta napplikaw is-sunscreen, napplikawh regolarment u li ngħattu l-ġisem tagħna kollu b’layer li huwa biżżejjed biex tipproteġi lilek innifsek. Jekk inti tinżel tgħum, importanti li terġa’ tapplika s-sunscreen.”
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika appellat biex saħħitna nieħdu ħsiebha kullimkien, anki min ikun id-dar jew f’uffiċċju x-xogħol, billi wieħed jagħżel postijiet aktar friski u jingħalqu l-purtieri jew twieqi biex ma tidħolx ix-xemx.
Importanti wkoll ix-xorb regolari tal-ilma, u l-ikel frisk.
“Ejja nieħdu ħsieb l-anzjani u nies vulnerabbli u nżommu kuntatt magħhom u ninkoraġġuhom biex jixorbu regolarment. Nafu li l-anzjani jkollhom inqas sensazzjoni li għandhom l-għatx għaliex ma jħossuhx, allura għandhom tendenza li ma jixorbux u rridu ninkoraġġuhom biex jixorbu u nevitaw il-kumplikazzjonijiet.”