Illum jitla’ s-siparju fuq il-Logħob Olimpiku ta’ Pariġi biċ-ċerimonja tal-ftuħ li se ssir fuq ix-xmara Seine. Din se tkun it-tielet darba li l-kapitali franċiża se tospita dan il-logħob.
Iċ-ċerimonja tal-ftuħ se tibda fis-7.30pm u mistennija tkun waħda unika li għall-ewwel darba se ssir barra minn stadium. Ta’ nota li l-atleti se jkunu qed jaslu fuq dgħajjes li se jivvjaġġaw tul ix-xmara Seine bit-Torri Eifell fl-isfond. Ċerimonja li se ddum madwar erba’ siegħat u fost l-ispettaklu hemm stennija għall-kantanti Celine Dion u Lady Gaga li se jkantaw il-kanzunetta klassika franċiża ‘Le Vie en Rose’.
Total ta’ 10,500 atleta minn 206 pajjiż differenti se jkunu qed jieħdu sehem f’din l-edizzjoni tal-Logħob Olimpiku. Huma se jikkompetu fi 32 dixxiplina sportiva differenti f’35 facilitajiet sportivi madwar il-kapitali franċiża. Uħud minn dawn il-kompetizzjonijiet se jsiru f’postijiet simboliċi ta’ Pariġi fosthom it-Torri Eifell, Champs-Elysees u Place de la Concorde. B’kollox se jsiru 329 avveniment sportiv. Ġimgħatejn ta’ kompetizzjonijiet sportivi li jintemmu l-Ħadd 11 t’Awwissu.
Malta se tkun rappreżentata minn ħames atleti: Katryna Esposito (Judo), Gianluca Chetcuti (Sparar Trap), Sasha Gatt (Għawm), Kyle Micallef (Għawm) u Beppe Grillo (atletika).
Għal Sasha Gatt din se tkun it-tieni parteċipazzjoni fil-logħob olimpiku filwaqt li l-erba’ l-oħra se jkunu qed jagħmlu d-debutt tagħhom.

Il-mascots tal-logħob huma l-Phyriges u ġew ispirat mill-kappell antik franċiż li huwa simbolu ta’ liberta’.
It-tema prinċipali ta’ dan il-logħob se jkun l-ambjent tant li se tkun qed tintuża enerġija rinnovabbli, filwaqt li l-materjal użat se jkunu kollu riċiklat.
Fost dawn insibu l-midalji olimpiċi li se jkunu magħmula minn materjal riċiklat u anke ħadid meħud mit-torri Eifell.
80% tal-faċilitajiet sportivi jinsabu viċin ħafna tal-villaġġ olimpiku u dan se jnaqqas id-distanza ta’ ivjaġġar. Saru wkoll bosta lanes ġodda għar-roti filwaqt li se jkunu hemm trasport pubbliku organizzat sew.
Ġimgħatejn wara li jintemm il-Logħob Olimpiku, dejjem fil-belt ta’ Pariġi jibda l-Logħob Paralimpiku li se jsir bejn it-28 t’Awwissu u t-8 ta’ Settembru.


