Wara li l-Ħadd filgħaxija ħareġ ir-riżultat uffiċjali tal-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, illum l-attenzjoni terġa’ ddur fuq is-Sala tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar biex ikunu magħrufin ir-riżultati fl-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, li għalihom il-poplu wkoll ivvota nhar is-Sibt.
B’turnout ta’ disgħa u ħamsin fil-mija, li hu ftit iżgħar minn dak ta’ ħames snin ilu, tmienja u sittin lokalità f’Malta u Għawdex se jkunu jafu min se jkunu l-kandidati rappreżentanti tal-lokalitajiet rispettivi u amministraturi fil-kunsilli għall-ħames snin li ġejjin.
Dan il-proċess se jkun mifrux fuq tlett ijiem, bi tliet gruppi ta’ kunsilli li l-għadd tagħhom isir fi ġranet separati.
Illum l-Erbgħa se naraw l-ewwel 23 lokalità li jinfetħulhom il-kaxxi għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ waranofsinhar, biex, imbagħad, għall-ħabta tal-erbgħa jibda l-proċess tal-għadd, li għal bosta lokalitajiet ifisser biss ftit ħin.
L-għadd tal-voti fil-jum tal-Erbgħa se jkun għall-kunsilli;
Birżebbuġa, San Ġiljan, Ħal Tarxien, l-Iklin,
iż-Żurrieq, San Pawl il-Baħar, Ta’ Xbiex, Santa Venera,
Għajnsielem, il-Mellieħa, Pembroke, iż-Żejtun, l-Imqabba,
il-Qrendi, il-Belt Valletta, Ħaż-Żebbuġ, in-Nadur, il-Marsa,
il-Fontana, Ħal Balzan, Ħad-Dingli, l-Għasri u x-Xewkija.
Il-proċess jiġi ripetut il-Ħamis għal 22 lokalità oħra u l-Ġimgħa fejn isir il-proċess ta’ 23 lokalità.
Ara wkoll: