Illum jibda l-konklavi sabiex ikun elett il-267 Papa. B’kollox se jkunu qed jivvutaw 133 kardinal u biex wieħed ikun elett irid iġib żewġ terzi tal-voti, jiġifieri 89 vot.
Kollox jibda dalgħodu, permezz ta’ quddiesa fil-Bażilika San Pietru li hija magħrufa bħala Pro Elifendo Romano Pontifice.
Fl-4:30pm waqt li jkantaw il-litanija tal-qaddisin, il-kardinali mistennija jidħlu fil-Kappella Sistina sabiex jibdew il-konklavi.
Wieħed għandu jistenna l-ewwel sinjal miċ-ċumnija illejla, jew għada bejn l-10:30 u 12:00, skont x’ikun r-riżultat. Il-votazzjoni ta’ filgħaxija tkun wara l-ikel hekk kif il-kardinali fl-3:45 jirritornaw lura fil-Kappella Sistina. Hawnhekk is-sinjal tad-duħħan ikun mistenni bejn il-5:30 pm u s-7:00 pm.
Il-votazzjoni ssir erba’ darbiet kuljum, darbtejn filgħodu u darbtejn wara nofsinhar. Jekk wara tlett ijiem ikun għadu ma ġiex elett papa, il-votazzjoni titwaqqaf għal ġurnata ta’ talb, diskussjonijiet informali u riflessjoni spiritwali li titmexxa mill-kardinal djaknu anzjan.
Il-votazzjoni mbagħad terġa’ tissokta u wara kull seba’ rawnds addizzjonali mingħajr suċċess, issegwi pawża u riflessjoni oħra, l-ewwel mill-kardinal qassis anzjan u aktar tard, jekk ikun meħtieġ, mill-kardinal isqof anzjan.
Jekk xorta ma jkunx elett Papa wara 21 vot, tiġi osservata pawża finali għat-talb, id-djalogu u r-riflessjoni. Hawnhekk terġa’ tkompli l-votazzjoni iżda din tkun biss ikkontestata mill-aktar żewġ kandidati li jkunu ġabu voti fir-rawnd ta’ qabel. Għal darb’oħra hija meħtieġa l-maġġoranza taż-żewġ terzi filwaqt li ż-żewġ kandidati ma jistgħux jivvutaw.
Fi tmiem ta’ kull votazzjoni, u wara li jkunu ġew verifikati u magħduda, il-voti jinħarqu fi stufa tal-ħadid fondut li kienet intużat l-ewwel darba fil-konklavi tal-1939. Stufa oħra, li kienet installata fl-2005, hija kkonnetjata direttament ma’ ċumnija viżibbli minn Pjazza San Pietru u li fiha tintefa’ l-kimika sabiex jingħata kulur lid-duħħan, iswed jekk ma jkunx ġie elett Papa u abjad jekk il-votazzjoni kienet suċċess u għalhekk elett Papa ġdid.