Illum waranofsinhar jibda d-dibattitu fil-Parlament dwar l-emendi għal-liġi tal-IVF.
Fuq Facebook, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne ta d-dettalji dwar dawn l-emendi u qal li jistgħu jinqasmu fi tliet kategoriji.
L-ewwel waħda hija biex tiġi rfinata l-liġi tal-IVF tal-elfejn u tmintax; billi tkun iffaċilitata d-donazzjoni tal-oocytes minn pajjiżi barranin, jiġi permess it-trasferiment ta’ embrijuni krijo-priservati f’pajjiżi barranin lejn Malta biex l-IVF isir Malta stess, u titneħħa l-affinità bħala ostaklu għad-donazzjoni tal-gamiti.
It-tieni kategorija ta’ dawn l-emendi hija dik li żżid in-nies li jgawdu mill-proċess tal-IVF bla ħlas. Dan se jsir billi l-età sa meta jista’ jsir l-IVF togħla għal ħamsa u erbgħin sena, jiżdiedu ċ-ċikli tal-IVF mingħajr ħlas, u s-servizz jiġi offrut anki lil min diġà għandu l-ewwel wild.
It-tielet punt li semma Fearne huwa dak li t-tobba u l-ispeċjalisti jingħataw l-aċċess biex jagħmlu użu mill-aħħar teknoloġija medika biex ikunu evitati stejjer ta’ qsim il-qalb ta’ trabi li jitwieldu biċ-ċertezza li jkunu se jmutu fi ftit ġimgħat jew xhur.
Chris Fearne kiteb ukoll li llum ukoll, qabel id-dibattitu, se jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra l-abbozz tal-ptokoll marbut ma’ dawn l-emendi.
Fakkar ukoll kif sal-lum, bl-IVF twieldu 425 ħajja ġdida f’pajjiżna u dawn l-emendi qed isiru bil-ħsieb li jiżdiedu l-opportunitajiet għal aktar ħajjiet ġodda.