Malta llum se tirċievi l-ewwel għaxart elef doża tal-vaċċin kontra l-COVID-19 wara li l-Awtorità Ewropea għall-Mediċini approvat dak ta’ Pfizer u BioNTech jiem ilu. Il-Kummissjoni Ewropea wkoll approvat ir-rakkomandazzjoni biex dan jitqassam lill-Istati Membri Ewropej.
Għada, il-Ħadd, se jibdew jitlaqqmu l-ħaddiema tas-saħħa, fosthom dawk li jaħdmu fit-Taqsima tal-Mard Infettiv, fit-Taqsima tal-Kura Intensiva u fid-Dipartiment tal-Emerġenza, apparti l-ħaddiema tas-swali fejn hemm pazjenti pożittivi għall-COVID-19.
Minn nhar it-Tnejn li ġej, kull nhar ta’ Tnejn, se jaslu aktar dożi tal-vaċċin.
B’ħidma mill-awtoritajiet Maltin, Malta għandha iżjed dożi mill-popolazzjoni. Mill-kumpanija Moderna, pajjiżna mistenni jirċievi mitt elf doża, u miljun ieħor minn Astrazeneca, fost oħrajn.